Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma llum tħaddan l-akbar flotta ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku.
Dan wara li investiet f’37 karozza elettrika bħala parti minn investiment totali ta’ €5 miljun ewro biex il-flotta tal-Korporazzjoni tkun waħda li tiffavorixxi l-ambjent f’pajjiżna.
ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Ivan Falzon hekk kif spjega li l-għan tal-proġett li qed jara tiġdid fil-flotta tal-Korporazzjoni huwa wkoll li ttejjeb l-effiċjenza tas-servizzi tagħha.
“B’investiment ta’ €5 miljun fil-5 snin li ġejjin se nkunu qed naraw flotta ġdida, flotta bi kredenzjali ambjentali, flotta moderna, flotta li se tippermetti lill-ħaddiema tagħna sabiex jaħdmu b’aktar kumdità b’iżjed effiċjenza, biex il-korporazzjoni jkollha flotta li mill-età medja ta’ llum li hemm madwar 13,12-il sena tinżel għallinqas għal 3 snin sal-aħħar ta’ din is-sena.”
Il-Ministru responsabbli minn din il-Korporazzjoni, Miriam Dalli sostniet kif dan l-investiment favur vetturi li huma ħbieb tal-ambjent, tkompli turi kemm il-Gvern qed imexxi bl-eżempju f’dak li għandu x’jaqsam investiment sostenibbli partikolarment fil-qasam tat-trasport.
Fil-fatt hawn il-Ministru Miriam Dalli sostniet l-effett pożittiv li se jkollhom dawn il-vetturi favur tnaqqis fl-emmissjonijiet.
“Meta qed nitkellmu dwar 37 karozza elettrika mill-flotta kollha li għandha l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qegħdin inħarsu wkoll lejn tnaqqis ta’ 76,000 kilo ta’ CO2 mit-toroq tagħna.”
Il-Ministru Miriam Dalli sostniet kif il-Gvern mhux qed jieqaf hawn hekk kif qed jara li joħloq infrastruttura iktar b’saħħitha għal dawn il-vetturi flimkien ma’ karrieri speċjalizzati biex ikunu jistgħu jwettqu l-manutenzjoni fuq dawn il-vetturi li kull ma jmur dejjem qed jibqgħu jiżdiedu f’pajjiżna.
“B’kollaborazzjoni mal-MCAST qed naraw li kors dwar karozzi elettriċi jingħata ħafna iktar promozzjoni u eventwalment jiġi akkredidat biex il-pool tal-iskills f’pajjiżna nsaħħuha ħafna u ħafna iktar.”