Bħala parti mill-proġett Net Zero Impact Utility, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tinvesti €4 miljun minn fondi Ewropej fl-iktar teknoloġija avvanzata fit-trattament tad-drenaġġ. Din it-teknoloġija tippermetti modifiċi iktar faċli f’impjanti diġa eżistenti.Metodu li se jirriżulta f’prestazzjoni aħjar fit-trattament tad-drenaġġ u tnaqqis sinifikanti fir-riħa li jikkawża d-drenaġġ u kif ukoll tnaqqis fl-użu tal-kimika u tal-enerġija.
It-teknoloġija se toffri lill-Korporazzjoni portafoll iktar flessibbli u reżiljenti tat-trattamnet tad-drenaġġ.
Dan ifisser li l-impjanti preżenti se jaħdmu b’mod iktar effiċjenti.
Il-kapaċita mtejba se tippreżenta wkoll opportunitajiet ġodda f’dak li għandu x’jaqsam il-produzzjoni ta’ ilma ġdid.
It-tender għal dal-proġett fuq l-impjant ta’ Sant Antnin jinsab fuq is-sit tal-Korporazzjoni għas-Servizi tal-Ilma, u jagħlaq fis-sebgħa u għoxrin ta’ Settembru li ġej.
Il-proġett huwa parti minn strateġija ferm iktar wiesgħa li biha l-Korporazzjoni se tinvesti € 35 miljun f’titjib tal-infrastruttura tad-drenaġġ.
Fi stqarrija, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fakkret l-importanza li wieħed jifhem li s-sistema tad-drenaġġ hija kumplessa u delikata.
Għaldaqstant appellat biex id-drenaġġ urban jintuża kif suppost.