Il-Wizz Air, se tkun qed twaqqaf linja tal-ajru ġdida u li se tkun ibbażata f’Malta, bl-isem ta’ Wizz Air Malta.
Din l-aħbar qed issir wara xhur ta’ diskussjonijiet u negozjati bejn numru ta’ partijiet interessati, fosthom id-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta, Wizz Air, u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni.
Permezz ta’ din id-deċiżjoni, Wizz Air se tkun qed tirreġistra ammont sostanzjali ta’ ajruplani f’pajjiżna, u tkompli żżid in-numru tal-flotta fir-reġistru 9H li diġà huwa wieħed b’saħħtu.
Il-Ministru għat-Trasport Aaron Farrugia fisser kif din id-deċiżjoni hija indikazzjoni oħra li Malta hija tassew il-ġurisdizzjoni preferuta tal-operaturi li joperaw fl-industrija tal-avjazzjoni.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili l-Kaptan Charles Pace qal li huwa ta’ sodisfazzjon kbir li din il-linja tal-ajru għażlet lil pajjiżna. Huwa rringrazzja lis-Sur Varadi, Kap Eżekuttiv ta’ Wizz Air, u lill-bord tad-diretturi.
Żied ukoll li din it-tħabbira hija frott il-ħidma sfiqa tal-ħaddiema tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili li x-xogħol regolatorju li jwettqu qed ikun rikonoxxut.