Il-Wirt Marjan, li missirijietna nisġu fina lkoll fit-tradizzjonijiet tagħna l-Maltin, joħroġ b’mod eċċezjonali b’mod partikolari, f’jum Santa Marija.
Dan il-kult Marjan joħroġ b’mod ċar waqt iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi u reliġjużi, b’parteċipazzjoni sħiħa mill-lajċi fil-knejjes tagħna, bħal kif rajna l-Ħamis filgħodu waqt il-Pontifikal immexxi mill-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna, fil-Bażilika Minuri tal-Mosta. It-tiżjin fit-toroq tagħna ukoll huwa xhieda ta’ dan kollu.
It-Tlugħ ta’ Marija fis-Sema huwa punt sod tat-twemmin tagħna bħala Nsara. Kien fl-1 ta’ Novembru tal-1950 meta wara studji, il-Papa Piju XII ipproklama lil Sidtna Marija mtella’ s-sema bir-ruħ u l-ġisem bħala domma tal-fidi.
Festa pubblika li l-Knisja Kattolika tqisha bħala kmandata bl-obbligu tas-smiegħ tal-quddies.
F’dan il-jum, seba’ lokalitajiet madwar Malta u Għawdex jiċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija f’nharha.
Dwar dan, tkellimna mal-Viċi Parrokku tal-Knisja ddedikata lil Marija Assunta fl-Imġarr, Fr. Sean Abela, dwar is-sinifikat min-naħa spiritwali ta’ din il-ġurnata.
Qal, “Meta aħna nħarsu lejn Santa Marija li hija l-Omm tagħna tas-sema, niftakru fl-għan tal-ħajja tagħna, fid-direzzjoni tagħna li aħna nħarsu lejn il-Ġenna li huwa s-sema pajjiżna, bħalma Marija hija mtella fis-sema bir-ruħ u l-ġisem, dan huwa l-għan tal-ħajja tagħna fejn aħna naħdmu biex xi darba wkoll inkunu bħal Marija billi aħna ngħixu ħajja tajba, li hija mibnija fuq dik l-istedina li tagħmlilna Marija, li dejjem nimxu u nagħmlu kif jgħidilna Hu.”
Dwar il-kult Marjan f’pajjiżna tul is-snin, iltqajna mal-istoriku Charles Coleiro fejn spjegalna aktar dwar dan. Hu qalilna li jassoċja lil Ommna Marija u l-Wirt Marjan f’pajjiżna mal-isem ta’ pajjiżna, Malta.
Qal, “Meta llum tqis li llum għandek ħdax-il parroċċa ddedikati lil Santa Marija, Malta u Għawdex, santwarji kważi f’kull raħal, u ismijiet. Il-kelma Malta daħlet ġo fina l-Maltin. Lil Madonna, nħobbuha m’hemmx għalfejn insemmu santwarji, pereżempju nsemmu l-Madonna ta’ Pinu, li smajna l-leħen tagħha permezz ta’ Karmni Grima, għandek il-labtu tal-Karmnu, Malta Karmelitana, festi tal-Karmnu kullimkien; il-Madonna tar-Rużarju. Kull familja kważi ssib isem li għandu x’jaqsam mal-Madonna. Meta nkunu għadna żgħar, hawn ħafna min jippreżenta t-tarbija tiegħu, fis-Santwarju tal-Madonna. Tħossha, il-kelma Malta ssemmi Malta Nisranija, li kienet u forsi nnaqqasna xi ftit, imma lill-Madonna għadna nħobbuha.”