Malta u l-wirt sinjur tagħha ġibdu l-għajn ta’ bosta gazzetti u publikazzjonijiet prominenti barranin, Din id-darba dwar stalazzjoni minn artisti Maltin fl-esebizzjoni prestiġjuża u mfittxija ferm tal-Biennale di Venezia.
Fil-Padiljun Malti f’Venezja qiegħda tiġi esebita installazzjoni bl-isem ta’ ‘Diplomazija Astuta’, li ntlaqgħet tajjeb ferm mill-eluf ta’ nies li żaru l-Biennale ta’ din is-sena.
Il-Padiljun ta’ Malta jimmaġina mill-ġdid il-kwadru ta’ Caravaggio, il-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann il-Battista, b’mod fejn it-traġedja u l-brutalità tal-ġustizzjar ta’ San Ġwann tiġi esperjenzata fil-preżent bis-saħħa ta’ tiżwiqa ta’ kreattività, inġinerija, arti, u xjenza.
Il-gazzetta Ġermaniża ‘Frankfurter Allgemeine’, fil-paġna li ta’ kull sena titkellem dwar l-aħjar arti fil-Biennale di Venezia, semmiet lil Malta u ddeskriviet l-arti meraviljuża tagħha. Il-gazzetta kitbet li pajjiżna, bħalma għamel dejjem, issoprenda b’dak li ppreżenta.
Publikazzjoni Taljana bl-isem ta’ ‘La Letteratura’, ukoll iddedikat paġna dwar l-istallazzjoni Maltija u esprimiet sentiment pożittiv ferm dwar ‘Diplomazija Astuta’ u l-artisti Maltin.
Rivista oħra prominenti bbażata fl-Londra, l-‘Art Review’, ukoll tefgħet għajnejha fuq Malta u analizzat l-arti moderna dwar il-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann il-Battista.
Il-padiljun Malti ġie inawgurat mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, li saħaq li dan kollu kompla jgħolli isem Malta ’l fuq, anke fejn jidħlu l-wirt kulturali.
Qal, “Huwa importanti ħafna li s-settur kulturali jixref l-orizzonti tiegħu barra minn pajjiżna u jitkellem ma’ udjenza internazzjonali. Il-Biennali ta’ Venezja huwa proprju post li jiġbor fih il-persuni ewlenin kulturali u allura, li hawnhekk mal-ġganti kbar fis-settur kulturali, hija pass importanti ’l quddiem u anke l-livell u l-kwalità illi biha qed nitkellmu dwar dak li rridu nirrakkuntaw bħala pajjiż fejn tidħol l-arti u l-kultura.”