L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa appellat sabiex il-pajjiżi ma jwaqqfux it-tilqima tal-AstraZeneca għaliex hija sigura.
Il-WHO qalet li m’hemm l-ebda evidenza li hemm konnessjoni bejn it-trombozi u l-vaċċin tal-kumpanija Ingliża-Żvediza.
Dan intqal hekk kif xi pajjiżi Ewropej issospendew l-għoti ta’ din it-tilqima.
L-esperti TAL-WHO qalu kif in-numru ta’ dawk li żviluppawlhom trombozi huwa inqas milli jkun hemm f’popolazzjoni ġenerali b’tilqim ieħor.
Matul il-jum tat-Tlieta, l-esperti tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa mistennija tlaqqa’ l-esperti tagħha sabiex titkellem dwar din it-tilqima kontra l-Covid-19.
L-istess se tagħmel l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini li se toħroġ il-konklużjonijiet tagħha l-Ħamis li ġej.
Il-ġimgħa l-oħra din l-aġenzija tal-Unjoni Ewropea ltaqgħet u qalet l-istess bħall-WHO, li din it-tilqima hija sigura.
Waqt il-bullettin tal-aħbarijiet tas-sebgħa u nofs ta’ nhar il-Ġimgħa li għadda fuq ONE, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija tal-Mediċini, il-Professur Anthony Serracino Inglott qal kif Malta kellha rwol attiv f’laqgħa tal-EMA permezz tal-Professur John Borg.
Intqal kif f’din il-laqgħa ħareġ li din it-tilqima tal-AstraZeneca hija sigura u huwa ta parir indipendenti lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci sabiex ikompli jingħata dan il-vaċċin f’pajjiżna.
Dan il-vaċċin kontra l-Coronavirus tal-AstraZeneca kien ġie approvat mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa fil-15 ta’ Frar, filwaqt li l-Aġenzija Ewropea tal-mediċini rrakkomandat l-approvazzjoni fid-29 ta’ Jannar.
Sabiex jiġi approvat dan it-tilqim, bħal kull tilqima u mediċina oħra jkun hemm diskussjonijiet twal bejn l-esperti fil-qasam tas-saħħa.
Dawn jiżguraw li t-tilqima tkun sigura għall-pubbliku.