L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, il-WHO qalet kif aktar studji qed juru li l-varjant Omicron mhuwiex aħrax daqs varjanti oħra tal-Covid-19.
L-uffiċjal tal-WHO Abdi Mahamud qal lill-ġurnalisti li aktar evidenza qed turi li l-Omicron qed jaffettwa n-naħa ta’ fuq tal-ġisem.
Dan bid-differenza ta’ varjanti oħra tal-Covid-19, hekk kif dawn jaffetwaw il-pulmun, fost oħrajn.
Intqal kif minkejja n-numri rekord ta’ każijiet, dawk fl-isptar u dawk li jmutu kawża tal-virus huma inqas minn meta varjanti oħra kienu dominanti.
L-uffiċjal tal-WHO nnota kif il-varjant Omicron ikun aktar trasmess bejn persuna u oħra. B’dan xorta waħda jista’ jwassal biex is-sistema tas-saħħa ta’ pajjiżi foqra ma tlaħħaqx mad-domanda.
Huwa semma wkoll kif l-Omicron jista’ jkun miġġieled jekk tintlaħaq il-mira tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, dik li sa Lulju li ġej, 70% tal-popolazzjoni dinjija tkun tlaqqmet bit-tilqima għal kontra l-Covid-19.