L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa sejħet lil Malta bħala champion fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-Covid-19.
Dan intqal waqt żjara li għamel id-Direttur Reġjonali tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, Hans Kluge.
Huwa spjega kif Malta kisbet din il-pożizzjoni hekk kif hawn rata għolja ta’ nies imlaqqma, anki ta’ dawk li ħadu d-doża tal-booster.
Qal, “Very high vaccination coverage, including the boosters that Malta is a champion, when it comes to the boosters, but also if you look per capita the number of donations. Globally no one is safe until everyone is safe.”
Kluge semma l-importanza fil-bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija.
Qal, “And I think Malta had done an outstanding job, balancing between protecting people’s health and the economy, particularly tourism.”
Intant, il-Gvern Malti u l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa ffirmaw Strateġija ta’ Koordinazzzjoni għal dawn l-erba’ snin li ġejjin.
Dan il-ftehim se jwassal biex ikun hemm protezzjoni kontra l-emerġenzi tas-saħħa u tal-promozzjoni tas-saħħa, fost oħrajn.
Id-Direttur Reġjonali tal-WHO spjega kif dan il-ftehim se jwassal biex pajjiżna jkun fil-quċċata tal-governanza tas-saħħa fir-reġjun Ewropew u anki dinji.
Intqal kif pajjiżna huwa protagonist fix-xiri konġunt tal-mediċini u l-vaċċini u s-servizzi marbuta mal-kanċer.
Preżenti għal dan il-ftehim kien hemm id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, li fakkar kif Malta dejjem ikkollaborat fuq livell Ewropew u l-WHO.
Intqal kif dan il-ftehim ta’ kollaborazzjoni kompla jsaħħaħ relazzjoni bejn Malta u l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.
F’din iż-żjara, Hans Kluge ppreżenta premju lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne bħala simbolu ta’ ringrazzjament u apprezzament għax-xogħol kbir u ddedikat li jsir favur saħħa aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin.