Il-White Paper fuq is-suq tal-kera tidentifika faxxa ta’ nies li ma jaqgħux taħt il-parametri ta’ housing soċjali iżda li xorta qed isibuha diffiċli li jsibu propjetà biex isservi ta’ residenza. Għal dan il-għan, il-Gvern qed jaħdem fuq il-kunċett imsejjaħ ‘housing affordabbli’, biex tiżdied il-provvista ta’ bini li jkun affordabbli għal dawn il-familji.
Spjega dan il-kunċett is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes waqt laqgħa li kellu mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.
Hu spjega li l-Gvern qed iħares lejn diversi mudelli li jħaddnu l-kunċett ta’ housing affordabbli, fosthom permezz ta’ sħubija mal-privat kif propost mill-MDA, kif ukoll mudelli oħra bħal riġenerazzjoni ta’ bini abbandunat u fondazzjonijiet li jimmaniġġjaw proġetti ta’ bini affordabbli għall-kera. Dawn l-ideat se jiġu esplorati f’aktar dettall fil-futur qarib.
F’dan il-kuntest hu rringrazzja lill-MDA talli ħadu rwol proattiv fid-diskussjonijiet fix-xhur li għaddew u dejjem ressqu għad-diskussjoni bi proposti u kritika kostruttiva. Is-Segretarju Parlamentari qal ukoll li l-fatt li l-MDA tagħraf il-bżonn ta’ propjetajiet li jkunu affordabbli hu pass ’il quddiem, biex b’hekk is-settur tal-akkomodazzjoni f’Malta tassew joffri alternattiva għal kulħadd. Dan isir mingħajr ma tonqos il-kwalità ta’ ħajja tar-residenti li jagħmlu użu minn dan il-mudell.