Mara Russa li kienet impjegata ta’ Pilatus bank dehret quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja lbieraħ wara nofsinhar. Din il-mara kienet imkeċċija u qed taffaċċja proċeduri kriminali kontriha mill-istess bank fil-Qorti.
Persuni li jafu din il-mara Russa tkellmu mal-ġurnal Illum u qalu li l-mara damet madwar sagħtejn u baqgħet ma ppreżentat l-ebda evidenza dokumentata biex tikkonferma l-allegazzjoni tagħha. Hija qalet affarijiet li ntqal lilha biex tgħid iżda ma stennietx li se jsirulha mistoqsijiet preċiżi.
Kiene Daphne Caruana Galizia li lbieraħ qalet li ‘whistleblower’ dehret quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja. Dlonk qbeż il-PN jgħid li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jirreżenja.
Il-Prim Ministru rreaġixxa hekk għall-aħbar li persuna marret quddiem il-Maġistrat biex tikkonferma l-allegazzjonijiet.
Intant il-ġurnal Illum tkellem ma’ kollegi ta’ din il-mara u qalu li ma produċiet l-ebda dokument, fatt dokumentat jew prova biex turi li Michelle Muscat hija is-sid jew għandha x’ taqsam mal-kumpanija Egrant. Il-mara tkeċċiet f’Marzu 2016 u qed tiġi mfittxija talli użat fondi tal-bank għal skopijiet privati. Hi diġà ġiet investigata mill-pulizija u tinsab quddiem il-Qorti akkuzata bi frodi u rapporti foloz.
Dokumenti f’idejn l-Illum juru li r-Russa għamlet rapport li ma tħallsitx talli għamlet xogħol ta’ internship ma’ Pilatus. Iżda l-bank qed jgħid li tħallset dak kollu li kien dovut lilha. Aktar minn hekk, abbużat meta kienet mqabbda torganizza mawra fil-Ġermanja għall-impjegati tal-bank, biex ħadet lil żewġha u t-tfal tagħha vaganza bi spejjeż imħallsa mill-bank. Biex għamlet dan, iffirmat f’isem l-bank u qarrqet b’kumpanija tal-ivjaġġar.
L-Illum tirrapporta li r-Russa biddlet l-avukat tagħha tliet xhur ilu, u beda jiddefendiha avukat mill-uffiċċju ta’ Ann Fenech, President tal-Partit Nazzjonalista u ħabiba kbira ta’ Daphne Caruana Galizia, li s-soltu aktar huma iffukati fuq każijiet ta’ natura kummerċjali.