Id-dettalji dwar il-wegħda li qed jagħmel Simon Busuttil li jagħti €10,000 lil familji li jmorru jgħixu Għawdex se jgħidhom wara l-elezzjoni. “Ma tantx faddallek tistenna,” qal Simon Busuttil għax fi kliemu se jagħti d-dettalji dwar l-iskema li jrid in-nies jivvotaw dwarha tliet xhur wara li jsir Prim Ministru. F’Għawdex kien mistoqsi min, kif u meta se jgawdi. Kien mistoqsi wkoll dwar jekk xi ħadd jieħu l-flus u jmur lura jgħix Malta jżommomx. Hawn qal li għalissa għandu l-idea u d-dettalji dwarha jagħtihom wara l-elezzjoni.
Fl-istess ħin li għamel din id-dikjarazzjoni qal li l-proposti tal-Partit Laburista huma bl-addoċċ.
Qal ukoll li x’aktarx mhux kulħadd se jibbenefika. Għax se jkun hemm baġit ibbażat fuq l-idea ta’ first come first served.
“Nirrepeti fl-ewwel mitt jum noħroġ l-iskema u nikkunsidraw l-affarijiet,” qal Simon Busuttil. “Fil-programm elettorali, paragrafu fuq il-proposta jkollok,” kompla jgħid iktar ma kien mistoqsi.