Illum ġiet organizzata b’suċċess fire drill fl-impjant magħruf bħala l-Mechanical and Biological Treatment Plant fil-Faċilità Malta-North, dan permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Wasteserv u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Balla ta’ Refuser Derived Fuel (RDF) ingħatat in-nar bil għan li sservi ta prova għat-tim ta’ emerġenza tal-Wasteserv.
In-nar instab fil-pront u mill-ewwel it-tim użaw fixed water cannon. Fil-frattemp, membri oħra mit-tim ta’ emerġenza ħarġu l-apparat meħtieġ għat-tifi tan-nar filwaqt li komplew jitfgħu l-ilma fuq il-balla sakemm din ġiet mitfija ftit tal-ħin wara u birdet. Dan sar sabiex jassigura li l-balla ma terġax tieħu n-nar jew tkun ta’ periklu għall-impjant tal-madwar jew materjali oħrajn.
Din id-drill ġiet ntemmet b’suċċess f’madwar għaxar minuti. Din id-drill tagħmel parti mill-pjan tal-Wasteserv sabiex tassigura li l-impjegati tagħha huma mħarrġa biżżejjed biex jiffaċċjaw emerġenza ta’ din ix-xorta. Drills oħra bħal dawn ser ikunu qed isiru tul il-ġimgħat li ġejjin. Wasteserv hija kommessa li tkompli tiprattika dawn id-drills sabiex tkompli ttejjeb il-kwalità u s-sistemi tas-saħħa u sigurtà tagħha.
In-nar huwa riskju kontinwu fl-industrija tal-iskart, speċjalment minħabba l-mod imprevedibbli kif jista’ jġib ruħu l-iskart li jiġi mormi. Dan jiddependi wkoll mill-mod kif il-pubblika jarmi l-iskart domestiku tiegħu. Dawn ir-riskji jiżdiedu b’mod konsiderevoli b’rimi illegali ta’ materjal fl-iskart, bħal batteriji u flares skaduti. Huwa importanti li nfakkru li materjali bħal dawn jistgħu jintremew b’mod sigur f’Civic Amenity Sites.
Wasteserv taħdem mill-viċin mal-pumpiera tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jiġu installati u żviluppati diversi miżuri preventivi u reattivi sabiex inaqqsu r-riskju ta’ nirien. Dan isir permezz tal-iżviluppar ta’ fire risk assessments, il-manteniment u upgrading tal-apparat għat-tifi tan-nar u t-taħriġ tal-ħaddiema. Dawn il-miżuri ġew żviluppati sabiex jonqos ir-riskju ta’ effetti negattivi fuq is-saħħa tal-ħaddiema, kuntratturi u viżitaturi, biex jitnaqqas l-impatt ambjentali u biex it-tagħmir tal-impjant ma jiġix imġarraf minn nirien.