Il-Wasteserv ħabbret riforma fis-sistema ta’ rimi ta’ skart domestiku. Dan fid-dawl biex taqta’ l-abbużi minn uħud mill-kuntratturi li rikbu fuq is-sitwazzjoni ta’ rimi ta’ skart domestiku.
Minn issa ‘l quddiem se jkun hemm distinzzjoni bejn skart domestiku u dak kummerċjali u għalhekk karozzi privati se jingħataw l-aċċess biex jarmu l-iskart domestiku iżda vetturi oħra bħal trakkijiet li jidħlu biex jarmu l-iskart kummerċjali se jingħataw biss permess eċċezzjonali ta’ darba biex jarmu fis-sit apposta.
Qabel din ir-riforma, il-pubbliku seta’ jmur f’wieħed mis-siti apposta tal-Wasterserv u bla ħlas jarmi l-iskart domestiku iżda jidher li din is-sistema imħaddma tat lok għal diversi abbużi hekk kif diversi kuntratturi spiċċaw jarmu l-iskart iġġenerat mill-operazzjonijiet kummerċjali tagħhom.
Fi stqarrija l-Wasteserv qalet li l-abbuż mill-kuntratturi wassal biex is-sistema ta’ rimi ta’ skart domestiku spiċċat mgħassra iżejjed u b’hekk is-sit ma baqax ilaħħaq mat-tunnellati ta’ skart suppost domestiku mormi.
Intant f’dikjarazzjoni fl-istess stqarrija tal-Wasteserv, il-Ministru responsabbli mill-Ambjent Josè Herrera qal li din ir-riforma għandha l-għan li ddaħħal iżjed dixxiplina fl-immaniġjar tal-iskart. Huwa appella biex kemm jista’ jkun nevitaw li niġġeneraw aktar skart u b’hekk nużaw modi oħra sostennibli bħar-riċiklaġġ.