Is-sentenza tal-Qorti tal-Appell dwar is-sejħa għall-offerti tal-impjanti għall-enerġija mill-iskart, magħruf bħala l-waste-to-energy, ma sabitx irregolaritajiet fil-proċeduri addottati mill-WasteServ biex tikklassifika l-offerti li waslulha.
Qalet dan il-kumpanija WasteServ b’reazzjoni għas-sentenza mogħtija iktar kmien din il-ġimgħa mill-Qorti tal-Appell, li fi kliem il-kumpanija, kkonċentrat biss fuq dak li qieset bħala kunflitt ta’ interess fi ħdan il- Bord ta’ verifika tal-Kuntratti
Kelliem tal-Wasteserv tenna d-dispjaċir tiegħu li minkejja li l-appellant fil-fatt waqqa’ l-appell ewlieni tiegħu, jidher li sezzjonijiet tal-midja, jew fehmu ħażin dak li ġara jew deliberatament qed jgħawġu d-deċiżjoni tal-Qorti sabiex jitfgħu l-WasteServ f’dawl ħażin.
L-istqarrija kompliet tgħid li l-kumpanija WasteServ tikkundanna aġir bħal dan, li l-għan ewlieni tiegħu huwa biss li jwaqqaf u jxekkel l-isforzi tagħha biex twassal proġett importanti bħal dan.
WasteServ kompliet tgħid li bħal ma kulħadd jista’ jivverfika faċilment, l-għażla tal-konsorzju responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett sar bi trasparenza sħiħa, fejn anke kien hemm l-għajnuna ta’ konsulenti ewlenin internazzjonali f’dak li għandu x’jaqsam l-immaniġġjar tal-iskart solidu. WasteServ żiedet tgħid li f’dan ir-rigward, ditta indipendenti bbażata fir-Renju Unit kkonfermat ir-rakkomandazzjoni tal-għoti ta’ dan it-tender.
Fil-fatt, id-ditta Frith Resource Management, kienet qablet mad-deċiżjoni tal-WasteServ fejn kienet iddeskrivit it-tender bħala wieħed li sar f’waqtu, u li sar b’mod effiċjenti u ekwu. B’hekk ikkonfermat ir-rakkomandazzjoni li jingħata l-proġett multimiljunarju lil Paprec Energies International bi prezz offrut ta’ sitt mitt miljun.
L-istqarrija kompliet tgħid li fl-ebda punt il-Qorti tal-Appell ma ddubitat il-punteġġ tekniku jew finanzjarju dettaljat tal-proċess ta’ għażla ta’ tender mill-kumpanija, iżda annullat id-deċiżjoni tal-Bord ta’ verifika tal-Kuntratti – il-PCRB fuq kunflitt ta’ interess. Intant il-Qorti tal-Appell qalet ukoll li persuna li kienet fil-kumitat ta’ evalwazzjoni ta’ tenders fi ħdan il-Wasteserv, ma kelliex tpoġġi f’dan il-kumitat hekk kif kienet membru sostitut fi ħdan il-PCRB.
Dan minkejja li l-istess persuna ma kellha ebda involviment fl-istess proċess tal-PCRB b’rabta mal-appell mill-konsorzju Hitachi u għamlitha ċara mill-bidu li mhux se tipparteċipa f’każijiet istitwiti kontra l-Wasteserv.
Wasteserv tenniet l-istqarrija tagħha billi sostniet li tibqa’ kommessa favur it-transizzjoni ambjentali ta’ pajjiżna u l-ebda akkuża malizzjuża u falza ma hi se twaqqafa milli twassal futur ambjentali aħjar.