Stqarrija tal-WasteServ giddbet bl-aktar mod kategoriku storja ppubblikata bi prmonenza fil-ġurnal tal-Partit Nazzjonalista l-Mument.
Fi stqarrija l-WasteServ spjegat li skart kliniku jiġi pproċessat fl-inċineratur tal-Marsa skond l-istandards applikabbli. Tenniet ukoll li skart bħal dan jinġarr fi trakkijiet speċjalizzati. Bl-iskart jitqiegħed f’boroż sterilizzati mill-awtoritajiet tal-isptar, liema boroż imbagħad jitqiegħdu f’kontenituri speċjalizzati magħluqa. Dawn il-kontenituri jinġabru magħluqa mill-WasteServ u l-operaturi tagħha jiddiżinfettaw il-parti ta’ barra tal-kontenituri.
L-istess kontenituri jitqiegħdu fit-trakkijiet u jiġu trasportati lejn il-faċilità tat-trattament. Dan il-proċess isegwi proċedura standard ibbażata fuq valutazzjoni tar-riskji bl-aħħar valutazzjoni isir fil-bidu t’ April 2020.
Miżuri bħal dawn, flimkien ma’ għadd ta’ miżuri oħrajn madwar il-katina kollha tal-operat, għandhom l-intenzjoni li jiżguraw operazzjonijiet siguri u l-benesseri tal-ħaddiema li jimmaniġġjaw l-iskart.
Il-WasteServ qalet li għal darb’oħra, il-media qed tiġi mħeġġa tivverifika u tirraporta bi prudenza matul dawn iż-żminijiet sensittivi speċjalment fir-rigward tax-xogħol bla waqfien tal-front liners bħall-impjegati tal-immaniġġjar tal-iskart li qed joffru servizz essenzjali lill-pajjiż. Fakkret ukoll kif lura f’April 2020 l-istess kamra tal-aħbarijiet allegat li l-WasteServ ma toffrix it-tagħmir tas-sigurtà meħtieġ f’Għawdex; allegazzjoni li rriżultat kompletament infondata.
Il-WasteServ qalet li l-allegazzjonijiet imressqa din id-darba wkoll mhumiex fondati. L-ewwelnett, WasteServ bl-ebda mod ma’ tipprova taħbi l-kontenut tat-trakk, filfatt trakkijiet bħal dawn iġorru d-dokumenti kif miktuba mill-awtoritajiet tal-isptar lokali. Għal darb’oħra huwa fundamentali li ntennu li t-trasport tal-iskart kliniku jitwettaq skont protokoll bil-miktub li jiżgura is-sigurtà assoluta tal-operazzjoni. B’referenza għall-allegazzjoni li trakkijiet refriġerati jiltaqgħu ma’ problemi regolari fuq il-vapur tal-Gozo Channel huwa importanti li jiġi enfasizzat li dan mhux veru. Kien hemm biss inċident iżolat li seħħ f’Ġunju 2019 meta trakk vojt ġie mitlub jinżel, għal raġunijiet mhux relatati ma’ dak li qed jiġi allegat f’dan l- artiklu.
Is-sewwieq tal-imsemmi trakk m’għadux impjegat tal-WasteServ.
Il-WasteServ tiċħad bil-qawwa li hemm xi bullying ta’ xi ħaddiema tagħha. Għal kuntrarju ta’ dan, WasteServ taħdem bla heda biex tiżgura ambjent ta’ xogħol sikur filwaqt li tieħu wkoll l-azzjoni meħtieġa kontra dawk li għad-detriment tal-kollegi tagħhom jonqsu milli jwettqu dmirijiethom.
Il-WasteServ irringrazzjat lill-impjegati tagħha għax-xogħol eċċellenti li qed jagħmlu waqt il-pandemija, meta mhux biss komplew jipprovdu servizzi essenzjali fejn jidħol l-immaniġġjar tal-iskart iżda laħqu ukoll diversi miri importanti fil-prattiki ta’ riċiklaġġ u ġestjoni ta’ l-iskart imtejba.