Din hi l-istorja ta’ Glenn Borg ta’ 31 sena minn Ħaż-Żabbar.
“Beda kollox, meta forsi kelli 18, 19-il sena. Doqt il-coke għall-ewwel darba. Just kienet prova biex inkompli ma’ sħabi fil-weekend jew fil-festa. Ma tantx għandi xi personalità li nikkontrolla, anke fejn jidħol xorb alkoħoliku jiġifieri.”
REKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
Biex dak li beda bħala esperiment jew avventura ma’ sħabu spiċċa l-uniku sors tiegħu f’mumenti mudlama.
“Dan anke sempliċiment, jien naf forsi naqra problemi familjari, problema f’relazzjoni, problema fuq post tax-xogħol. Tgħid qisek ħa nitfi l-iswitch illejla, ħa mmur nuża. Ma tkunx kapaċi tgħid ħa nċempel lil sieħbi forsi nieħu belgħa tè jew se mmur nagħmel passiġġata. Dik l-ewwel li titlagħlek f’moħħok.”
Punt deċiżiv għal Glenn, fejn jinduna li trid tinqaleb il-folja, proprju fit-twelid ta’ bintu.
“Il-wasla tat-tifla kienet sabiħa ħafna. Biss, per, meta tkun qiegħed taħt iċ-ċirkostanzi, kważi kważi tibda tmewwitlek kollox. Tasal f’punt fejn f’ħajtek kważi lanqas ikollok lok għal skop ieħor”.
Minn hemm ħa waħda mill-akbar deċiżjonijiet ta’ ħajtu, grazzi għat-twelid tat-tifla tiegħu.
“Hi kienet iċ-ċavetta. Għalkemm għaraft ma nistax ma nagħmilhiex għalija nnifsi, eventwalment qisek jekk mhux se nagħmilha biex inkun persuna aħjar, eventwalment ma nistax inkun ġenitur aħjar.”
Seba’ xhur wara li twieldet it-tifla, Glenn beda dan il-programm. Madankollu, hu daħal b’mentalità li ma tantx għenitu u li kawża t’hekk ma tantx kampa tant li spiċċa reġa’ waqa’.
Hawn hu fehem aktar il-proċess u reġa’ daħal il-kors b’mentalità differenti.
“Li ħadem favurija m’għamiltx diffiċli kemm għalija nnifsi kif ukoll għal dawk li rridu jagħtuni l-għajnuna. Issottommotejt ruħi mill-ewwel, għax għedt jien għandi bżonn l-għajnuna jiena”.
Fil-Komunità Santa Marija f’Ħal Farruġ sab it-tieni familja li bħalissa qed tgħinu biex ix-xewqa li jkun missier tajjeb, tirnexxi.
Quddiem l-isfidi li sab, il-mewġa ta’ għajnuna li sab minn din il-komunità mmexxija mis-Sedqa kienet b’saħħitha biżżejjed biex tegħlibhom.
“Ninsab grat ħafna, dan kien l-ewwel Milied li qattajt f’sensija. Kien l-ewwel Milied li ħassejtni ta’ ġenitur, kien l-ewwel Milied li ħassejtni ta’ familja. Ġejt inqatta’ ħin hawn ġew ukoll, għax hawn ġew li lanqas tista’ ma tiġix hawn ġew.”
Id-Direttur tas-Sedqa, Charles Scerri, qalilna li, f’dan iż-żmien, issir ħidma biex ir-residenti jgawdu l-ispirtu festiv.
“Nistiednu l-familjari fejn norganizzaw festini flimkien mar-residenti. Norganizzaw anke attivitajiet barra l-komunità fl-off structure.”
Id-Direttur tas-Sedqa, Charles Scerri