Il-Kumitat tal-Avukati u Prokuraturi Legali se jkun qed jgħarbel l-għoti tal-warrants għal madwar mitt kandidat għall-professjoni ta’ Avukat u għaxar kandidati għall-professjoni ta’ Prokuratur Legali.
Dan bl-istess sistema li ntużat matul is-snin.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ġustizzja hekk kif ġie spjegat li din id-deċiżjoni se twassal biex dawk li għaddew mill-eżami tal-warrant u mill-iskrutinju tal-Kumitat skont il-prassi tal-passat ikunu jistgħu jidħlu fil-professjoni u fid-dinja tax-xogħol mill-aktar fis.
Din id-deċiżjoni waslet wara li l-għaqdiet studenteski fi ħdan l-Università ta’ Malta semmgħu leħinhom fuq l-introduzzjoni ta’ linji gwida li fost oħrajn jobbligaw li fl-assessjar magħruf bħala l-‘Fit and Proper’ tiġi ddikjarata informazzjoni dwar kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali mill-istudenti stess. Informazzjoni li tista’ twassal għal diskriminazzjoni.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard laqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Avukati u Prokuraturi Legali li għamel dan il-pass fin-nuqqas ta’ linji gwida approvati dwar kandidati tajba u xierqa. Dan anke wara li l-Gvern sema’ t-talbiet tal-istudenti fuq din il-materja u wara li qies is-sitwazzjoni, ma approvax il-linji gwoda kif proposti.
L-istqarrija żiedet tgħid li b’dan l-iżvilupp ma jfissirx li se jieqfu d-diskussjonijiet bejn il-partijiet ikkonċernati.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja tenna li se jkompli bil-ħidma biex mill-aktar fis jintlaħaq qbil fuq regoli u l-linji gwida li jiddeterminaw kandidat idonju, bl-għan li tissaħħaħ il-professjoni legali, mingħajr ma jkunu invażivi aktar milli hemm bżonn fil-ħajja personali ta’ kandidati.
L-istqarrija inkludiet ukoll ir-ringrazzjament tal-Ministru Attard lill-Kamra tal-Avukati u l-għaqdiet tal-istudenti għall-koperazzjoni u l-impenn tagħhom u saħaq li se jkompli jaħdem qatigħ biex il-professjoni tiġi regolata kif jixraq, u dan billi jitwettqu r-riformi leġiżlattivi meħtieġa.