Is-sistema tat-tnaqqis tal-punti li ddaħħlet fl-aħħar tas-sena 2017, jidher li ddixxiplinat aktar lis-sewwieqa Maltin u Għawdxin tant li matul is-sena li għaddiet naqsu b’55,578 iċ-ċitazzjonijiet mogħtija meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Statistika miġbura minn ONE NEWS turi li matul is-sena li għaddiet, ingħataw 349,774 ċitazzjoni lil sewwieqa li wettqu kontravenzjonijiet tat-traffiku. Dan ifisser tnaqqis ta’ madwar 13.5% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
L-istatistika turi li fl-2017; il-Pulizija, l-Aġenzija tal-Infurzar Lokali l-LESA flimkien mal-Uffiċjali ta’ Transport Malta taw 405,352 ċitazzjoni.
L-akbar ammont ta’ ċitazzjonijiet ħarġu fil-konfront ta’ sewwieqa li pparkjar ħażin jew b’mod illegali, fejn flimkien it-tlett entitajiet taw 162,708 ċitazzjoni. Minkejja li fuq din il-kontravenzjoni m’hemmx tnaqqis ta’ punti, din xorta qed tħasseb l-awtoritajiet flimkien mal-użu tal-mobiles waqt is-sewqan u nuqqas ta’ seatbelt.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill dwar is-Sigurtà fit-Toroq Pierre Vella tkellem dwar ir-riperkussjonijiet ta’ pparkjar ħażin.
“Għandek is-sewwieq li jmur ‘wrongside’, u għandek sitwazzjoni ta’ periklu fejn hemm l-element ta’ minn ipparkja u ħiereg mill-karozza li qiegħda pparkjata f’nofs ta’ triq u allura dan ħiereġ f’nofs ta’ triq”
Is-Sur Mario Buttigieg li jservi ta’ espert tal-Qorti f’inkjesti dwar inċidenti tat-traffiku qal li pparkjar ħażin ġieli wassal għal inċidenti fatali.
“Kemm sfortunatament naraw karozzi pparkjati viċin ‘pedestrian crossings’, fejn qed testakola kemm il-pedestrian li se jaqsam u lis-sewwieq milli jaraw lil xulxin”
Minkejja żieda ta’ karozzi fit-toroq, Vella u Buttigieg għarfu l-isforzi tal-awtoritajiet biex iżommu l-ordni fit-toroq Maltin.
Fil-fatt tul is-sena l-oħra kien hawn 382,605 karozza rreġistrata, jiġifieri 10,544 vettura iżjed mis-sena ta’ qabel. Dan flimkien ma’ żieda ta’ 4,405 sewwieq ieħor matul l-istess sena biex issa telgħu għal 260,546 is-sewwieq liċenzjat.
Is-Sur Vella qal li “meta naraw il-popolazzjoni tal-karozzi tagħhna kemm kibret f’pajjiżna u x’riżorsi hemm dawn ma’ kibrux proporzjonalment. Allura għandna nimxu pass iżjed ‘l quddiem u naddottaw sistemi li hemm barra minn Malta.”
Il-Kunsill tas-Sigurta’ fit-toroq qed jipproponi li jitwaħħlu ammont ta’ kameras madwar il-pajjiż, li minn fuqhom jistgħu jingħataw ċitazzjonijiet varji. Vella qal li dawn għandhom jirreġistraw kull tip ta’ irregolarità u mhux sewqan eċċessiv biss kif issir sa’ issa.
“Jekk persuna taf li hemm sistema fissa li qed tgħasses 24 siegħa kuljum, mela wieħed se jaħsibha darbtejn għax eventwalment jaqla’ ċitazzjoni. Allura b’hekk se nneħħu l-pressjoni fuq l-awtoritajiet u nkabbru s-sorveljanza”
Ċitazzjonijiet oħra komuni s-sena l-oħra kienu sewqan b’veloċità eċċessiva fejn inħarġu aktar 56,591 ċitazzjoni, u l-użu tal-mobile waqt is-sewqan fejn tħarrku 6,368 persuna.
Is-Sur Buttigieg qal saħaq li l-mobile m’għandu jintuża qatt lanqas meta l-vettura kien wieqfa fit-traffiku. Spjega li dan xorta jibqa’ illegali u ġieli kien hemm inċidenti kkawżati mill-użu tal-mobiles fit-traffiku.
Intant, is-sena l-oħra ngħataw ukoll 12,749 twissija mill-Uffiċjali tal-LESA, bl-akbar ammont ikun relatat ma’ liċenzja mhux imwaħħla segwiet minn ipparkjar illegali.