Il-waqfien mill-ġlieda f’Gaza, bejn Iżrael u l-Hamas, se jidħol fis-seħħ minn nhar il-Ħadd li ġej, 19 ta’ Jannar.
Dan wara li l-Erbgħa kien hemm qbil biex ikun hemm waqfien mill-ġlied u anki r-rilaxx tal-ostaġġi. Dan wara 15-il xahar ta’ ġlied, li beda fis-7 ta’ Ottubru tal-2023.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru tal-Qatar, Sheikh Mohammed bin Abdulrahman Al Thani qal li n-negozjaturi għadhom qed jaħdmu ma’ Iżrael u l-Hamas biex jitwettaq dan il-ftehim.
Tul dawn l-aħħar xhur, il-Qatar kien strumentali bħala medjatur bejn iż-żewġ naħat bil-għan li jkun hemm il-paċi fil-Lvant Nofsani.
Sadanittant, f’konferenza tal-aħbarijiet, il-President Amerikan Joe Biden spjega li dan il-ftehim se jwaqqaf għal waqfien mill-ġlied f’Gaza, tingħata l-għajnuna umanitarja tant bżonnjuża lill-Palestinjani u jkun hemm ukoll ir-rilaxx tal-ostaġġi u jerġgħu jingħaqdu ma’ qrabathom.
Il-President Amerikan Joe Biden spjega li l-ewwel fażi f’dan il-ftehim hu l-waqfien mill-ġlied u f’temp ta’ sitt ġimgħat. Fit-tieni fażi se jsiru negozjati sabiex il-gwerra tieqaf b’mod permanenti u t-tielet parti hi r-rikostruzzjoni ta’ Gaza, li f’dawn l-aħħar 15-il xahar kienet ta’ kuljum attakkata.
Biden qal li dan il-pjan kien ġie approvat mill-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, f’Mejju li għadda. Ta’ min ifakkar li f’dan il-perjodu, Malta kellha siġġu mhux permanenti f’dan l-ogħla organu tal-Ġnus Magħquda.
AQRA AKTAR: