Malta ntagħżlet mis-sit internazzjonali The Wall Street Journal mal-aqwa għaxar destinazzjonijiet li wieħed għandu jżur f’din is-sena li għadna kemm bdejna, l-2025.
Il-ġurnal Amerikan segwit minn miljun madwar id-dinja jippubblika din il-lista ta’ pajjiżi kull sena, biex jagħti parir lil min ikun se jivvjaġġa, u din is-sena beda proprju b’pajjiżna.
Il-Wall Street Journal jiddeskrivi lil Malta bħala pajjiż bi storja rikka ħafna, mill-Feniċi għall-Ingliżi, sakemm kiseb l-indipendenza fl-1964 biex illum hu stat modern u msieħeb fl-Unjoni Ewropea.
Intqal ukoll li dan il-wirt storiku li għandna f’pajjiżna qed jintuża f’films mill-aqwa u hawn issemmew ‘Gladiator II’, ‘Napoleon’ u ‘Game of Thrones’.
Il-Wall Street Journal isemmi wkoll bi prestiġju kif, f’Ottubru li għadda, infetaħ il-mużew magħruf bħala Spazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja, il-MICAS, li qed jilqa’ fih xogħlijiet artistiċi minn madwar id-dinja.
F’dan l-istess l-artiklu mis-sit Amerikan, minbarra Malta, jissemmew ukoll postijiet fl-Olanda, fil-Ġappun, fl-Istati Uniti stess u fil-Kolumbja, fost oħrajn.
Din mhijiex l-ewwel darba li Malta ssemmiet bħala destinazzjoni ideali, li wieħed għandu jżur għal btala. Fost dawn, fl-aħħar jiem kien hemm is-sit internazzjonali Express, li għażel lil pajjiżna bħala l-post perfett għal vaganza fix-xitwa.