Il-Covid Wage Supplement se jiġi estiż lil hinn minn Jannar f’ċertu setturi.
Ħabbar dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’intervista fuq l-istazzjon ONE l-Ħadd filgħodu, meta kien qed jitkellem dwar id-deċiżjonijiet għaqlin li ħa l-Gvern biex iwieżen lin-negozji u familji Maltin u Għawdxin.
Fost is-setturi l-aktar milquta hemm dak tat-turiżmu.
Dr Abela sostna, “Qed naraw li s-settur tat-turiżmu, vera li bħalissa jgħaddi mix-shoulder months, imma din is-sena huwa aktar iebes minn dawk tas-snin ta’ qabel minħabba l-fatt li għandek l-ivjaġġar li qed jiġi disrupted bħalissa. Għalhekk qed nieħdu d-deċiżjonijiet li huma meħtieġa u li l-għajnuna fil-forma tal-wage supplement neċessarjement trid testendi lil hinn minn Jannar ta’ din is-sena. Ma jkunx jagħmel sens li tirtira għajnuna f’mument kruċjali.
Il-Prim Ministru fakkar kif fl-aħħar xhur, dan il-Gvern ta f’għajnuna diretta lill-familji u n-negozji total ta’ erba’ biljun ewro, li permezz tagħhom ġew salvati madwar nofs l-impjiegi fis-settur privat.
B’ton skjett u direzzjoni ċara ta’ fejn irid jieħu lil dan il-pajjiż, il-Prim Ministru tenna li s-sena l-ġdida trid tkun waħda li fiha jitkattar ix-xogħol, l-investiment u anke l-fiduċja.
Hawnhekk fakkar fl-investiment massiċċ li sar fil-Budget għal din is-sena, partikolarment fejn jidħlu l-anzjani.
Hu stqarr, “Kif se nwieżnu l-pensjonanti. X’rajna? Għall-ewwel darba f’dan il-Budget l-investiment fil-pensjonijiet se jkun ta’ biljun ewro.”
Dwar il-pandemija, il-Prim Ministru tenna kif il-Maltin qed jikkonkorru biex jieħdu d-doża addizzjonali tal-vaċċin kontra l-Covid-19 u għalhekk f’pajjiżna m’hawnx bżonn restrizzjonijiet ġodda.
Dr Abela rrefera wkoll għas-settur tal-enerġija, li għal pajjiżi oħra jfisser żieda qawwija fil-prezzijiet.
Il-Prim Ministru rrimarka, “F’pajjiżna llum meta għadna f’pandemija għandna l-inqas piż tat-taxxi li kellna fl-istorja, għandna l-orħos diesel fiż-żona ewro, għanda l-orħos prezz tal-elettriku fiż-żona ewro. Dawn ma ġewx b’kumbinazzjoni. Il-piż tat-taxxi żammejnih baxx b’deċiżjonijiet li ħadna, il-piż tal-enerġija rnexxielna nżommuh baxx għax intervjenejna b’mod aggressiv, fejn kellna nintervjenu u l-prezz tal-fjuwil għax naqqasna s-sisa u d-dazju fuq il-fjuwils.”
Jiem ’il bogħod mit-tieni anniversarju tiegħu fit-tmun tal-pajjiż, il-Prim Ministru qal li huwa jħares ’il quddiem u mhux lura, anki biex jibqa’ ta’ servizz għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Saħaq kif għaż-żmien li ġej hemm ħafna aktar riżutati sbieħ x’jinkisbu, u qasam mument ta’ sodisfazzjon fil-ħidma tiegħu bħala Prim Ministru.
Dr Abela rrakkonta, “Jekk insemmi l-episodju tas-Cystic Fibrosis. Waħda mill-pazjenti fil-Milied staqsejtha kif inhi, awgurajtilha u għiditilha x’int tagħmel. Qalti bis-saħħa tagħkom nista’ nkun mal-familja. U jekk tgħidli kienx hemm messaġġ li għalik jagħmel dawn is-sentejn ta’ ħidma iebsa u sagrifiċċju all worth it, kien dak il-messaġġ.