F’pandemija grazzi għall-għajnuna tal-Gvern ma keċċejna l-ebda ħaddiem u l-kumpanija tagħna setgħet tibqa’ għaddejja bil-ħidma tagħha.
Kliem Melchior Busuttil, id-Direttur Maniġerjali tal-Kumpanija lokali New Energy li timmanifattura l-batteriji ta’ prodotti elettroniċi li jintużaw fil-mezzi tax-xandir.
Hawnhekk huwa saħaq li għajnuna ewlenija kienet dik tal-Covid Wage Supplement.
Qal, “Applikajna għall-fondi li konna ntitolati għalihom u għinuna ħafna ħafna. Partijiet minnhom anke għinna biex żidna dawk il-ħaddiema li kienu jaħdmu tlett ijiem fil-ġimgħa u żidnihom fil-paga. Aħna ma keċċejna lil ħadd, konna bil-għaqal u ħsibna għall-ħaddiema.”
Dan ħareġ propju fi żjara li għamel il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici, fejn hawnhekk ħabbar kif b’kollaborazzjoni bejn il-kumpanija lokali u inġiniera żgħażagħ mill-Università ta’ Malta, wasslet sabiex jiġi żviluppat prodott ġdid għas-swieq lokali u internazzjonali, fil-kamp tal-aċċessorji tal-prodotti elettroniċi.
Dan seta’ jsir permezz ta’ finanzjament ta’ mitejn elf ewro minn fondi għar-riċerka li ġew mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, fejn tħabbar ukoll li qed isiru studji ulterjuri biex dan il-prodott ikun jista’ jiġi użat fil-qasam tat-trasport tal-vaċċin tal-COVID-19.
F’kumment ma’ dan l-istazzjon il-Ministru Bonnici qal li permezz ta’ finanzjamenti bħal dawn, qed inkomplu inpoġġu l-prodott Malti fis-suq internazzjonali.
Spjega, “Bqajna għaddejjin biex ikun hemm aktar finanzjament għall-proġetti li rajna llum fejn kumpanija privata u l-università ħadmu flimkien sabiex jiġu maħluqa prodotti ġodda li ma kienx hawn fis-suq Malti.”