F’attività f’forma ta’ mistoqsija u tweġiba fl-Imsida, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela tkellem dwar il-viżjoni tal-Partit Laburista f’diversi oqsma li jaffettwaw il-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Ewlenin fosthom hemm is-settur ekonomiku, li jolqot il-ħajja ta’ dawk involuti direttament fih u anki indirettament.
Il-Prim Ministru tkellem dwar is-suċċessi ekonomiċi fl-aħħar snin minkejja pandemija u huwa għalhekk li n-negozji u l-ħaddiema se jibqgħu jsibu spalla t’għajnuna mill-Gvern.
“Dalgħodu kelli l-pjaċir li nħabbar li l-wage supplement se nestenduh sa April, b’xahar ieħor, u nerġgħu nevalwaw is-sitwazzjoni mal-imsieħba soċjali, magħkom in-negozji u jekk ikun hemm bżonn li nibqgħu nagħtu aktar għajnuna biex insostnu l-irkupru ekonomiku dik l-għajnuna se nibqgħu nagħtuha għax magħna tafu fejn qegħdin”, saħaq Dr Robert Abela.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-qalba elettrika li trid issir f’pajjiżna li tissarraf f’ambjent aħjar u allura kwalità ta’ ħajja aħjar.
Semma kif Gvern Laburista ġdid se jaqleb il-flotta tat-trasport pubbliku għal waħda elettrika u anki jinċentiva lil kull min irid ikollu karozza elettrika.
“Għall-qalba tal-flotta ta’ vetturi li tintuża fil-qasam industrijali jekk kummerċjali u hemmekk se nkunu qegħdin ninċentivaw sa 50% tal-ispiża sa massimu ta’ 50,000 ewro biex il-kumpaniji tagħna, in-negozji tagħna jiġu mgħejjuna jagħmlu l-qalba tal-vetturi elettriċi. Imbagħad għall-bqija tal-ispiża li jkunu qed iħallsu huma self tal-imaxx min-naħa tal-MDB illi se jkun qed jgħin lill-kumpaniji tagħna jagħmlu din it-tranżizzjoni tant importanti”, qal il-Prim Ministru.