F’Kunsill Ewropew fi Brussell, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ddikjara li l-Gvern Malti qed jilqa’ u jinnota kif il-vuċi tal-bdiewa u raħħala Maltin u Għawdxin ġiet riflessa fil-Viżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Agrikoltura u l-Ikel.
Wara numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-bdiewa u raħħala kemm f’Malta u anke Għawdex, il-Ministru Anton Refalo, fil-preżenza ta’ ministri oħra Ewropej responsabbli mill-istess oqsma, saħaq li Malta qed taqbel ukoll mal-prinċipju li l-produtturi Ewropej għandhom jkollhom prezzijiet mhux inqas mill-prezz tal-produzzjoni.

“Il-bdiewa Maltin u Għawdxin laqgħu ukoll b’apprezzament il-proposta li jinstabu prodotti alternattivi qabel jiġu mneħħija pestiċidi minn fuq is-suq. Barra minn hekk, Malta taqbel ukoll mal-mod kif il-viżjoni tħares lejn il-fehmiet kummerċjali ma’ pajjiżi terzi,” sostna l-ministru.
Il-Ministru Anton Refalo kompla li Malta tirrikonoxxi li hu fl-interess tas-sigurtà u l-provvista tal-ikel fi ħdan l-Unjoni li jkollna aċċess għall-prodotti minn pajjiżi terzi. Madankollu, Malta tagħraf l-importanza li jiżdied ir-rispons tal-Unjoni biex jissaħħu aktar il-kontrolli fuq prodotti impurtati, u li l-Unjoni nnifisha għandha tkun sensittiva u tkompli tipproteġi l-kompetittività tal-produtturi Ewropej waqt negozjati ta’ ftehimiet kummerċjali.
“Malta taqbel mal-mod kif din il-viżjoni tindirizza l-Politika Agrikola Komuni (PAK) li jmiss billi tħares lejn il-pagamenti diretti bħala mezz essenzjali li jiggarantixxu dħul sigur għall-bdiewa. Naqblu ukoll ma’ PAK aktar sempliċi mingħajr burokrazija żejda, msejsa fuq il-prinċipju li l-għajnuna finanzjarja tkun indirizzata lil dawk il-produtturi l-iktar li għandhom bżonn, u li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ikel,” qal il-ministru.
F’dan il-Kunsill il-Ministru Anton Refalo tenna li pajjiżna jemmen li s-settur agrikolu għandu bżonn trasformazzjoni lejn tiġdid ġenerazzjonali, sostenibbiltà u diġitalizzazzjoni, bl-innovazzjoni tkun element komuni. “B’sodisfazzjon nilqgħu wkoll numru ta’ miżuri proposti f’din il-viżjoni fosthom strateġiji speċifiċi għall-bijoekonomija, tiġdid ġenerazzjonali kif ukoll għar-reżiljenza tal-ilma,” temm jgħid il-ministru.