Bejn l-20 ta’ Mejju u t-30 ta’ Ġunju li għadda kienu rreġistrati aktar minn żewġ miljun login fil-kont tal-eID.
Logins li waslu wara li nfetħu s-sistemi tal-vouchers tal-Gvern u ċ-ċertifikat tal-vaċċin tal-Covid-19.
Dan l-aġġornament dwar l-aċċess fil-kontijiet tal-E-ID madwar il-pajjiż tħabbar f’konferenza tal-Gvern ġewwa l-binja ta’ Identity Malta.
Fil-fatt il-Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta, is-Sur Anton Sevasta spjega li b’kollox fid-dati msemmija kien hemm 2,193,731 login.
Huwa qal, “Identity Malta assistit kemm fil-ħruġ tal-vouchers li kienu strumentali biex l-ekonomija terġa’ tibda tirriġenera ruħha u kif ukoll fil-ħruġ taċ-ċertifikat tal-vaċċin minn naħa tal-Health. Ta’ min ngħidu li dan l-aħħar fi żmien sitt ġimgħat rajna madwar 2 miljun logins bl-e-ID.”
Fl-istess żmien kien hemm ukoll 34,822 talba sabiex tinbidel il-password tal-kont tal-e-ID, filwaqt li kienu attivati 24,058 kont ġdid.
Is-Sur Sevasta spjega wkoll kif mal-lejl li tnieda ċ-ċertifikat tal-vaċċin is-sistemi ta’ Identity Malta raw influss kbir ta’ applikazzjonijiet.
Huwa tenna: “Dakinhar bdejna naraw madwar 750 login kull minuta jiġifieri naħseb dik kienet fenomenu. Ta’ min jgħid li s-sistemi tagħna ħadmu tajjeb u ma kellna l-ebda problema minn naħa tas-sistema tal-e-IDs.”
Intant preżenti għal din il-konferenza, is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat elenka n-numru ta’ logins li saru bejn il-lejl tal-ewwel u t-tnejn ta’ Lulju hekk kif tħabbar li sar aċċessibbli li jitniżżel iċ-ċertifikat tal-vaċċin tal-Unjoni Ewropea.
Huwa sostna: “Dan il-lejl biss ipproċessajna ’l fuq minn 23,000 ċertifikat tal-vaċċin li issa jista’ jintuża anke fl-Ewropa. Kellek nies li sa tard ilbieraħ filgħaxija kienu qed jaraw li dan il-proċess jibqa’ għaddej bla xkiel ta’ xejn anke matul dan il-lejl.”
Is-Segretarju Parlamentari Muscat semma dawn il-punti filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema ta’ Identity Malta tal-effiċjenza li biha rrispondew għaċ-ċirkostanzi.
Intant dwar iċ-ċertifikat tal-vaċċin, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ d-deċiżjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa li jirrikonoxxu, id-dokumenti diġitali li huma neċessarji biex wieħed jidħol f’Malta.
Din id-deċiżjoni tinkludi wkoll iċ-ċertifikat tal-vaċċin tar-Renju Unit u dak imqabbad mas-sistema tal-Unjoni Ewropea.