Il-vouchers il-blu ta’ €20 maħruġa f’din l-ewwel inizjattiva diġà jistgħu jintużaw għand negozji ta’ arti, kultura u edukazzjoni. Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u n-Negozji ż-Żgħar b’referenza għat-talba tal-Malta Entertainment Industry and Arts Association, sabiex fl-eventwalità li jerġgħu jinħarġu l-vouchers, dawn ikunu jistgħu jintużaw għal attivitajiet relatati ma’ arti u kultura.
Il-Ministeru sostna li dawk in-negozji kollha li huma reġistrati taħt il-kodiċi NACE, f’Lulju li għadda, intbagħtitilhom ittra permezz tal-posta reġistrata sabiex huma jkunu jistgħu jattivaw il-‘Business Account’ tagħhom fl-applikazzjoni diġitali tal-vouchers sabiex b’hekk huma wkoll ikunu jistgħu jirċievu u jsarrfu dawn il-vouchers.
Il-Ministeru temm jgħid li se jieħu nota tar-rakkomandazzjonijiet l-oħrajn imressqa mill-istess assoċjazzjoni, kif ukoll qed jiġu kkunsidrati aktar miżuri alternattivi li huma intiżi biex jgħinu wkoll lis-setturi tad-divertiment u l-arti.