F’Għawdex, il-vouchers tal-mitt ewro li ta l-Gvern fil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika ħallew ħames miljun u mitejn elf ewro.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li sal-bidu ta’ Settembru ntużaw kważi mitejn u seba’ t’elef voucher (206,876) fi ħwienet, ristoranti, lukandi u postijiet t’akkomodazzjoni f’Għawdex.
Waqt żjara lir-ristoranti fir-raħal pittoresk tax-Xlendi, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li dawn iċ-ċifri juru injezzjoni ekonomika b’saħħitha għal gżira tat-tliet għoljiet, li tinkludi wkoll l-effett multipliku.
Il-Ministru Schembri stqarr, “Kull negozju li dħalna fih qalilna mnalla kienu l-vouchers, imnalla kienu l-għajnuniet bħall-COVID Wage Supplement kif ukoll l-għajnuna fuq il-kontijiet tad-dawl u l-kirjiet li żammu n-negozji kollha miftuħin. Biss biss nista’ ngħid li grazzi għal dawn l-inizjattivi, kellna ‘l fuq minn miljun u sitt mitt elf persuna li vvjaġġaw bejn Malta u Għawdex. Dan jekk wieħed jara li minkejja l-pandemija, minkejja n-nuqqas ta’ turiżmu kien biss terz inqas mis-sena li għaddiet li kienet sena rekord.”
Saħaq kif il-miżura tal-vouchers kienet importanti hekk kif għoxrin fil-mija tal-impjiegi f’Għawdex huma relatati mas-settur turistiku tal-gżira.
Spjega kif sebgħa u sittin fil-mija tad-dħul għar-ristoranti u l-ħwienet kien mill-vouchers u b’hekk il-miżura tal-Gvern kienet waħda li tat stimulu ekonomiku qawwi.
Qal li f’Għawdex kważi nofs is-salarji totali kienu koperti mill-iskema ta’ għajnuna fil-ħlas tal-pagi.
Għalhekk, il-Ministru Silvio Schembri spjega kif l-għajnuna tal-Gvern fil-ħlas tal-pagi għenet mhux ftit lin-negozji li baqgħu joperaw.
Fid-dawl li l-għajnuna fil-ħlas tal-pagi ġiet estiża, saħaq li flimkien irnexxielna niżguraw ir-reżiljenza tan-negozji u ġew salvati l-impjiegi.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li fis-sajf li għadda, Għawdex kien l-għażla naturali tal-Maltin.
“Dan kien sajf tajjeb ferm għal Għawdex, kien sajf tajjeb li meta kkumparat ma’ sjuf oħrajn, kien sajf tajjeb għaliex il-Maltin għażlu bħala destinazzjoni tagħhom għall-vaganzi ta’ dan is-sajf, lil Għawdex.” Sostna l-Ministru Camilleri.
Il-Ministru Camilleri fakkar kif f’Lulju, il-Gvern naqqas in-nollijiet tal-vapur t’Għawdex bin-nofs biex b’hekk Għawdex jintgħażel għal btala mhux biss fi tmiem il-ġimgħa iżda anki matul il-ġimgħa kollha.
Fiż-żjara fix-Xlendi kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, Joe Muscat.
Is-Sur Muscat saħaq li l-vouchers tal-mitt ewro li ħareġ il-Gvern kienu mezz ieħor li taffew u pattew mhux ftit għall-effetti negattivi li ħalliet l-imxija fuq it-turiżmu.
“Dażgur li l-istabbilimenti turistiċi Għawdxin urew kif urew fis-surveys li aħna għamilna bħala Association li l-miżuri li ħa l-Gvern kienu importanti sabiex l-effett tal-pandemija kien mitigat b’xi mod jew ieħor.” Qal is-Sur Muscat.
Bi kliem ċar, il-Kap Eżekuttiv tal-GTA qal li l-vouchers kienu ta’ stimulu sabiex in-negozji Għawdxin kellhom iktar klijentela.
Żied jgħid li l-iskemi t’għajnuna tal-vouchers u oħrajn li għamel il-Gvern kienu fatturi ewlenin sabiex is-sensji tal-ħaddiema baqgħu minimi u l-istabbilimenti turistiċi komplew bl-operat tagħhom.