Mis-Sibt 18 ta’ Mejju sal-Ħadd 2 ta’ Ġunju, persuni li s’issa għadhom ma ġabrux il-vot għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u l-Parlament Ewropew jistgħu jiġbru d-dokumenti tal-vot tagħhom personalment mill-Għasses tal-Pulizija Lokali jew mill-Uffiċċji tal-Kunsill Lokali.
Nies li joqgħodu f’San Pawl il-Baħar, id-dokumenti tal-vot jistgħu jinġabru mill-għassa tal-pulizija tal-Qawra, filwaqt li r-residenti ta’ Marsalforn għandhom jiġbru tagħhom mill-għassa ta’ Marsalforn.
Nies li joqogħdu l-Imdina, is-Siġġiewi, Ħ’Attard, Ħad-Dingli, il-Fontana, il-Gżira, l-Għarb, Ħal Għargħur, l-Għasri, il-Ħamrun, l-Iklin, il-Kalkara, Ħal Kirkop, Ħal Lija, il-Marsa, l-Imsida, Pembroke, Tal-Pieta’, ir-Rabat Malta, San Ġwann, San Lawrenz, Santa Luċija, Ta’ Xbiex, ix-Xagħra u x-Xgħajra jistgħu jinġabru mill-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali tagħhom fl-istess jiem u sigħat.
Il-votanti għandhom dejjem jippreżentaw il-Karta tal-Identità tagħhom biex jiġbru d-dokumenti tagħhom u l-ebda forma oħra ta’ identifikazzjoni mhu se tkun aċċettata.
Louis Gatt, il-Viċi President tal-Partit Laburista u l-Kap tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista saħaq dwar l-importanza li kulħadd jiġbor il-vot tiegħu.
Qal, “Dawk li għadhom ma ġabrux id-dokument tal-vot issa għandhom l-opportunità biex jiġbru d-dokument tagħhom personali mill-għassa tal-lokalità fejn huma rreġistrati u hemmhekk jiġbru d-dokumenti tal-vot dak tal-Parlament Ewropew u dak tal-Kunsilli Lokali. Il-ħinijiet huma wiesgħa biżżejjed, bejn it-tmienja ta’ filgħodu u s-siegħa ta’ wara nofsinhar u mbagħad bejn it-tlieta u d-disgħa ta’ filgħaxija.”