Fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-voti fin-Naxxar, il-voti bdew jinqalbu wiċċhom ‘il fuq.
L-aġenti tal-Partiti jinsabu wara l-perspex biex isegwu dan il-proċess biex jagħmlu dawk li huma ‘predictions’ biex jiddeterminaw liema Partit se jkun fil-Gvern għal ħames snin li ġejjin.
Issa fiċ-ċentru tal-Għadd tal-voti nġabru ukoll il-kandidati tal-Partiti u l-aġenti tagħhom. Ma jonqosx l-eċitament u beda jiżdied l-istorbju mal-perspex. Mument li l-kandidati u l-volontiera tal-Partiti jkunu qed jistennew tul il-kampanja elettorali kollha.
Issa, l-ewwel polza tal-vot tinqaleb wiċċha ‘l fuq u titqiegħed fil-garżella tal-kandidat li jkollu n-numru 1, jiġifieri l-ewwel preferenza.
Jekk xi kandidat jew aġent tiegħu jgħid li xi vot huwa invalidu, il-Counting Assistant jqiegħed dan il-vot fil-garżella immarkata ‘Dubjużi’.
Jekk il-vot ikun ikkunsidrat validu, il-Counting Assistant iqiegħdu fil-garżella li jkollha l-isem tal-kandidat indikat bin-numru 1.