Waqt li l-votazzjoni għall-ħatra tal-karigi fl-amministrazzjoni tal-Partit Laburista se ssir fit-13 ta’ Settembru, fejn ukoll joħorġu r-riżultati ta’ tali proċess, l-ewwel voti tad-delegati mistennija jintefgħu s-Sibt ta’ qabel, 7 ta’ Settembru, bħala elezzjoni bikrija għal dawk li ma jkunux jistgħu jattendu fil-ġurnata skedata.
Dawn l-elezzjonijiet iridu jsiru għall-karigi taż-żewġ Deputati Mexxejja, President, Segretarju Internazzjonali u tnax-il membru ordinarju fl-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista.
Dan hekk kif il-Ħadd filgħodu għalaq iż-żmien li tesserati tal-Partit Laburista setgħu jitfgħu isimhom għal xi waħda mill-karigi, għajr dik għal Deputat Mexxej għall-Parlament, li setgħet tiġi kkontestata biss minn deputati eletti.
Tkellimna ma’ Brian Scicluna, Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali, li kompla jispjega l-proċess.
“Il-Kummisjoni Elettorali se tkun qed tippreżenta dawk in-nomini bir-rakkomandazzjonijiet lill-eżekuttiv nazzjonali. Minn hemmhekk, imbagħad, nibdew naħdmu għall-early voting li se jsir fis-7 ta’ Settembru, fejn dak li jkun biex jirreġistra jista’ jibgħat imejl fuq kummissjoni@partitlaburista.org jew billi jmur iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Minn hemmhekk, imbagħad, nibdew naħdmu għall-Konferenza Ġenerali u l-elezzjoni, li ssir waqt l-istess konferenza. Kif tagħlaq il-votazzjoni, imbagħad, jaslu l-kaxxi minn Għawdex, isir il-proċess tal-konsenjament, tar-rikonċiljazzjoni, imbagħad, isir l-għadd, skont l-ordni statutorja tar-rwoli. Minn hemmhekk joħroġ ir-riżultat u jitħabbar fil-plenarja tal-Ħadd.”
Waqt li kien hemm biss persuna waħda li qed tikkandida ruħha f’kull waħda minn erba’ karigi differenti – dawk ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament, Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Viċi President u Segretarju Organizzattiv – il-votazzjoni tad-Deputati Mexxejja xorta waħda trid issir il-votazzjoni. Għal dawn ressqu isimhom biss Ian Borg u Alex Aguis Saliba rispettivament.
Fil-kariga ta’ Viċi President, li rat nomina waħda ta’ Louis Gatt, u dik tas-Segretarju Organizzattiv, li tefa’ ismu William Lewis, mhux se jkun hemm votazzjoni u ż-żewġ persuni jinħatru fil-pożizzjoni b’mod awtomatiku.
B’hekk, id-delegati Laburisti se jkollhom jivvotaw għal erba’ karigi amministrattivi u għall-membri ordinarji tal-Eżekuttiv.
Il-votazzjonijiet isiru fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun u fiċ-Ċentru Lokali Laburista f’Tas-Sannat, Għawdex, fit-13 ta’ Settembru. L-għadd tal-voti jsir dakinhar stess wara li tagħlaq il-votazzjoni.
Kull min irid jivvota fl-elezzjoni bikrija tas-7 ta’ Settembru, irid jirreġistra fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista stess sa nofsinhar ta’ nhar il-Ħamis, 5 ta’ Settembru, u jieħu miegħu l-Karta tal-Identità.
Il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista tiġi konkluża l-Ħadd 15 ta’ Settembru, fost l-oħrajn, b’diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.