Il-vot li ttieħed illum fil-Parlament Ewropew dwar ir-Riżoluzzjoni ta’ Malta kien mistenni iżda dan mhux se jwaqqafna milli niddefendu lil pajjiżna fil-Parlament minn dawk li jixtiequ jiskattaw l-Artikolu 7 kontra Malta, qalu l-MPE tal-Partit Laburista.
“Sfortunatament, din ir-riżoluzzjoni titkellem dwar theddida sistemika għall-istat tad-dritt mingħajr ma jitqiesu sew ir-riformi li qed isiru. Aħna mħassba li l-kliem magħżul ser isservi biss bħala preludju għal dawk li jinsistu fuq li jiskatta tal-Artikolu 7 kontra Malta – azzjoni severa kontra l-pajjiż kollu,” qalu l-Membri tal-Parlament Ewropew.
Fost l-oħrajn, ir-riżoluzzjoni titkellem dwar kwistjonijiet li huma applikabbli għall-Unjoni Ewropea kollha, iżda tissemma Malta biss. Eżempju wieħed huma l-kwistjonijiet dwar tassazzjoni, liema rapport tal-Kummissjoni Ewropea isemmi numru ta’ pajjiżi, iżda r-riżoluzzjoni titkellem biss dwar Malta.
“Qed ninsistu li l-Kummissjoni Ewropea tipproponi mekkaniżmu tal-istat tad-dritt magħmul minn esperti indipendenti li jimmonitorjaw l-Istati Membri kollha u li x-xogħol tagħhom huwa mmexxi b’oġġettività u mhux politika partiġġjana,” qalet id-delegazzjoni tal-Partit Laburista.