Bil-vot tagħhom fil-Parlament Ewropew il-Membri tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista heddew l-impjiegi ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin. Fil-Parlament Ewropew ivvotaw b’mod li jimmina l-għajxien ta’ eluf kbar ta’ Maltin.
Tkellmu dwar dan is-Segretarju Parlamentari, Silvio Schembri u l-Membru tal-Parlament Ewropew, Miriam Dalli f’konferenza tal-aħbarijiet.
Ftit sigħat wara li kien żvelat f’Xarabank li f’Marzu li għadda l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista vvotaw kontra l-interess ta’ Malta fuq sistemi ta’ tassazzjoni, l-MEP Dalli tat dettalji tal-klawsoli fejn għamlu hekk u preżentat il-ġurnalisti bid-dokumenti relatati.
Dalli fissret kif ittieħdu voti fuq prinċipji li għal pajjiżna huma sagrosanti, partikolarment fuq il-kwistjoni tal-unanimità. Spjegat li jekk titneħħa l-unanimità Malta titlef id-dritt li tiddeċiedi hi fuq kwistjoni ta’ taxxa u kif dan jimmina l-kompettitività ta’ Malta u jhedded l-impjiegi.
L-MEPs tal-PN ċaħdu emendi favur l-unanimità li kienu fl-interess tal-pożizzjoni Maltija fil-kwistjonijiet ta’ servizzi finanzjarji u tassazzjoni. Fl-istess ħin ivvotaw favur emendi li jagħtu iktar saħħa lill-istituzzjonijiet Ewropej fil-konfront ta’ pajjiż bħal tagħna fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-awtoritajiet finanzjarji.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri saħaq li dak li għadu kif ġie żvelat ilbieraħ dwar ir-rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista fuq livell Ewropew “huwa ta’ ġurnata sewda għall-ekonomija Maltija.”
Fakkar kif għal snin twal f’pajjiżna kien hawn qbil dwar dan il-prinċipju li jħares il-kompettitività ta’ pajjiżna u l-fatt li dan in-nuqqas ta’ qbil m’għadux hemm jimmina l-impjiegi f’setturi diretti bħal dak tas-servizzi finanzjarji, iżda wkoll f’oqsma oħra bħas-settur marittimu u tal-gaming fost ħafna oħrajn. It-theddida hi fuq eluf ta’ impjiegi u l-kwalità tal-għixien ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin.
Schembri sostna wkoll kif f’dawn l-aħħar erba’ snin saru diversi tentattivi mill-Oppożizzjoni biex ikissru l-mudell ekonomiku.
It-tentattivi li saru fuq livell Ewropew sarfu biex ikunu “at a point of no return fejn il-ħsara li qegħdin jagħmlu għax issa ġejna l-mument tal-prova, mhux il-mument li jparlaw biss kontra pajjiżna li llum kulħadd jirrikonoxxiha u kulħadd jaf imma l-mument li jagħfsu dik il-buttuna li jiddeċiedu jekk jikkrollawx l-ekonomija ta’ pajjiżna jew isalvawha. Fil-mument tal-prova, il-Membri tal-Parlament Ewropew tal-PN għal darb’oħra vvutaw kontra l-familji Maltin u kontra l-għixien tagħhom.”