L-uffiċċju tal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li kien intlaħaq ftehim sabiex jinħelsu l-ostaġġi bħala parti mill-ftehim għall-waqfien mill-ġlied imħabbar l-Erbgħa filgħaxija.
Netanyahu kien ippospona vot fil-kabinet li kellu jittieħed kmieni lbieraħ filgħodu sabiex ikun approvat il-ftehim mill-waqfien mill-ġlied hekk kif akkuża lil Hamas li fl-aħħar minuta kienu qed jippruvaw ibiddlu xi dettalji sabiex jinkludu l-ħelsien ta’ membri tagħhom mal-lista ta’ ostaġġi diġà maqbula.
Issa kmieni dalgħodu, l-uffiċju tal-Prim Ministru ġie infurmat mit-tim tan-negozjaturi li kien intlaħaq ftehim. Għalhekk ingħatat ordni lil kabinet li jieħu ħsieb is-sigurtà politika ta’ Iżrael sabiex aktar tard illum jiltaqa’ u wara l-gvern iffurmat mill-Ministri japprova uffiċjalment il-ftehim. Żiedu jgħidu li task force speċjali kienet ippreparata sabiex tilqa’ l-ostaġġi li kienu se jirritornaw minn Gaza u l-familji tagħhom kienu ġew infurmati.