L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ta’ Bernard Grech ma vvutatx b’mod sħiħ favur il-liġi tal-IVF.
Illejla, qabel ma l-Parlament aġġorna għall-vaganzi tas-sajf, ittieħed il-vot biex jemenda l-liġi tal-IVF li ppropona l-Gvern u li ġiet imwegħda mill-Partit Laburista li titwettaq sa mitt jum ta’ Gvern ġdid.
B’din il-liġi aktar persuni jistgħu jsiru ġenituri f’pajjiżna stess, fosthom biż-żieda ta’ ċikli mingħajr ħlas.
Fil-liġi hemm ukoll il-PGTM testing fuq l-embrijuni għall-kundizzjonijiet ġenetiċi serji li huma mniżżla b’mod ċar u dan biex il-ġenituri prospettivi ma jgħaddux minn trawmiet jew jagħżlu li ma jkollhomx tfal minħabba dawn l-istess kundizzjonijiet ġenetiċi serji, li ħafna minnhom iwasslu għal mewt ftit wara t-twelid.
Meta ġie biex jittieħed il-vot, l-Oppożizzjoni ma kinitx magħquda sħiħa mal-Gvern fuq il-liġi u tliet Deputati Nazzjonalisti vvutaw kontra.
Dan għall-kuntrarju tal-membri parlamentari tal-Gvern, li lkoll ivvutaw favur.
Fil-fatt, qabel il-vot, Adrian Delia, għan-nom ta’ dawk kontra, spjega l-vot tiegħu kontra filwaqt li Deputat ieħor mill-Oppożizzjoni tkellem għan-naħa l-oħra tal-Partit Nazzjonalista, li baqa’ maqsum fuq din il-kwistjoni.
Adrian Delia, Alex Borg u Ivan Bartolo (id-deputat mill-Mosta) kienu l-membri parlamentari tal-Oppożizzjoni li vvutaw kontra filwaqt li deputati oħra li kien hemm rapporti oħra fil-midja li talbu vot ħieles ma attendewx fil-Parlament.
Fost dawk id-deputati Nazzjonalisti li ma marrux għall-vot kien hemm Jerome Caruana Cilia, Chris Said, u Carm Mifsud Bonnici.
Sa mill-bidu nett tad-diskussjoni fuq din il-liġi spikkat il-konfużjoni tal-Oppożizzjoni, li esprimiet pożizzjonijiet differenti u l-firda baqgħet hemm fuq materja li tolqot bosta familji.