Il-President George Vella qal li, fil-ħajja mgħaġġla tal-lum, tajjeb li nħarsu sew madwarna u naraw xi rwol jaqdi l-volontarjat, ħafna drabi fis-silenzju, b’nies li jifhmu u japprezzaw l-importanza li jagħtu lura lis-soċjetà.
“Il-volontarjat kien, għadu u jibqa’ wieħed mill-pilastri ewlenin fuq xiex iserraħ il-futur tal-poplu tagħna. Dan ngħidu, għax nemmen bis-sħiħ li l-volontarjat jgħinna nibnu soċjetà aktar b’saħħitha,” qal il-President Vella f’diskors tal-okkażjoni waqt iċ-ċerimonja tal-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat 2023.
“Mill-bidu ta’ din il-Presidenza, li issa qed toqrob lejn tmiemha, jiena ħassejt li għandi niffoka u nagħti importanza sħiħa lis-settur tal-volontarjat f’pajjiżna, għax jgħin ikattar is-sens t’għaqda, solidarjetà u inklużjoni, ikabbar id-djalogu u t-tolleranza, u hu ċentrali biex innaqqsu l-preġudizzju, il-faqar u l-esklużjoni soċjali,” qal il-President ta’ Malta waqt li semma l-kuntatt li hu u martu kellhom ma’ bosta għaqdiet volontarji li qed jagħmlu xogħol imprezzabbli.
Ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat ta’ din is-sena huma Noel Aquilina mill-Malta Wheelchair Basketball Association bħala l-Voluntier tas-Sena; Marius Barbara minn Karibu! Malta bħala l-Voluntier Żagħżugħ/a tas-Sena; id-Down Syndrome Association Malta li ħadet it-titlu tal-Organizzazzjoni Volontarja tas-Sena; Jake Vella ħa l-Premju Victor Calvagna – Tfal fil-Volontarjat wara li kien innominat mill-Malta Sports Journalists Association; u Fr Hilary Tagliaferro li rċieva l-Premju Speċjali għal Ħidma Volontarja minn Individwu fil-Komunità.
Waqt li feraħ lir-rebbieħa u rringrazzja lil kull voluntier, il-President Vella radd ħajr lill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, li wkoll qed jiċċelebra l-15-il sena mit-twaqqif tiegħu. Qal li l-Kunsill ħoloq ambjent li jiffaċilita l-involviment ta’ aktar nies f’dan il-qasam u nnota b’sodisfazzjon it-tema magħżula għal dan l-anniversarju, ‘Giving Voice and Visibility to the Voluntary Sector’.
“Naqbel u nemmen li għandna nkomplu nagħmlu mezz biex ngħollu kemm nistgħu l-profil tal-volontarjat f’pajjiżna u nħeġġu aktar nies, fosthom tfal u anzjani, jersqu eqreb lejn dan is-settur,” qal il-President ta’ Malta.
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, fissret il-volontarjat bħala teżor nazzjonali li rridu ngħożżuh.