“Il-volontarjat ippoġġielek l-akbar tbissima fuq fommok”.
Hekk iddikjarat, Maureen Amoroso, li hi uffiċjal fi ħdan il-Malta Girl Guides, waqt l-ewwel Kabinett man-nies għal din is-sena, li sar it-Tlieta fid-Dar tal-Providenza.
Hawnhekk tħabbar li se ssir konsultazzjoni pubblika biex ikun hemm tisħiħ f’dan is-settur importanti f’pajjiżna.
“Naħseb l-akbar tbissima tkun through il-volontarjat. Min qatt ma miss mal-volontarjat, ma jistax jifhem il-ferħ li jagħtik, veru nagħtu ħafna, imma nieħdu ħafna lura.”
Tkellem Damien Attard, il-President ta’ Right2Smile, grupp li jagħmel xogħol volontarju barra minn xtutna, fosthom fil-Ghana, fejn diġà għenu mal-elf u ħames mitt student dwar is-saħħa mentali.
“Il-volontieri jistgħu jkunu katalisti ta’ dan is-softpower u jservu bħala public diplomats li jxerrdu l-valuri u l-kultura Maltin lil hinn mill-fruntieri tagħna. Però wkoll iġibu lura dak li nitgħallmu minn pajjiżi li nikkollaboraw magħhom.”
Il-volontier Għawdxi Paul Zammit semma kif hemm bosta skemi mill-Gvern li jgħinu lis-settur.
“Il-Ministeru għal Għawdex għandu diversi skemi ta’ volontarjat. Nixtiequ nirringrazzjaw lill-Ministeru għal dawn l-inizjattivi tant apprezzati. Nixtiequ wkoll inħajru lil dan il-Ministeru u lill-Ministeri oħra biex ikun hemm aktar skemi li jaġevolaw is-settur tal-volontarjat f’Għawdex.”
Frida Harrison, li għamlet diċenji tgħin lill-Hospice Malta u wara kellha bżonn is-servizzi tagħhom meta żewġha marad, ukoll irrakkontat l-esperjenza tagħha.
“Minn mindu beda Hospice ili nagħmel il-volontarjat f’kull qasam, fejn stajt, fejn tgħallimt u fejn għallmuni.”
F’dan il-Kabinett man-nies tkellem ukoll Reuben Abela, li hu l-President ta’ Wirt iż-Żejtun, li tkellem fuq l-affarijiet pożittivi u li jgħinuhom fil-ħidma tagħhom.
“Ir-regolarizzazzjoni speċjalment permezz tal-liġi li saret fuq il-qasam volontarju, il-Kunsill Malti għall-Volontarjat, il-fondi li jkun hemm disponibbli għall-għaqdiet volontarji, huma kollha aspetti pożittivi.”