Kien is-sebgħa u għoxrin ta’ Ottubru tas-sena 2003.
Dak li kellu jkun jum normali ta’ tagħlim l-iskola għat-tfajjel Adrian Borg, spiċċat ġurnata traġika, li biddlet il-ħajja tal-familja Borg.
Inċident fil-bitħa tal-iskola waqt lezzjoni tal-edukazzjoni fiżika fl-Iskola San Franġisk t’Assisi, li kienet magħrufa bħala Umberto Colosso, ħasad ħajjet it-tfajjel.
Waqt li t-tifel kien qed jilgħab ma’ sħabu, lasta tal-futbol waqgħet fuqu bil-konsegwenza li sofra ġrieħi serji f’rasu u li wasslu għall-mewt tiegħu.
Dakinhar Malta nħasdet u bkiet it-telfa ta’ dan it-tfajjel li quddiemu żgur li kellu futur mimli ambizzjonijiet.
Proprju 21 sena wara l-mewt ta’ Adrian ONE NEWS iltaqa’ ma’ missieru John Borg, li bid-dmugħ f’għajnejh, tarrfilna l-mument li fih sar jaf li ibnu Adrian kien tilef ħajtu.
Tifel b’saħħtu, ħabrieki, daħqan u matur, b’missieru jiddeskrivih bħala l-akbar ħabib li kellu. Iż-żgħir fost tliet aħwa.
Qal, “Tifel u raġel, għalija dak kien il-ħabib. Dejjem flimkien – dejjem miegħi. Dejjem nixtrilu anke sifirtu miegħi.”
Missieru jirrakkonta, kif fil-ħajja qasira ta’ ibnu, qasam miegħu diversi esperjenzi flimkien, minn ħruġ, safar, sa ħidma.
It-tfajjel ried ikompli fuq il-passi ta’ missieru, la darba ftit xhur wara, kellu jtemm l-edukazzjoni obbligatorja tiegħu.
Qal, “Jien mort l-għalqa u hu mar l-iskola u għall-ħabta ta’ xil-għaxra u għoxrin, ċemplet ommu għax ċemplilha s-surmast u taha aħbarijiet xejn sbieħ. Il-mara bdiet tinduna li t-tifel kien mejjet. Jien bdejt ngħid forsi kiser siequ jew idu.”
Jirrakkonta, kif minkejja li basar li ibnu kien mejjet, l-aħħar ma tmut hija t-tama.
Qal, “Dħalt hemm ġew u bdejt nistaqsi kif rajna lill-Patri hemm, il-mara kkonfermat iżjed minni. Jien kelli dak ix-xaqq ta’ dawl imma kien għalxejn. Id-dinja ma ħallitux, kellu jtemm il-ħajja tiegħu żgħir wisq.”
Il-missier qal kif minkejja li għaddew 21 sena, il-pjaga li ġabet magħha l-mewt ta’ ibnu, baqgħet immarkata fil-familja Borg.
Qal, “Il-vojt ma jimtela’ qatt – irridu nġorruha sa ma jġorru lilna.”
John Borg, irrakkonta kif huwa saħansitra xtaq li jagħti l-organi ta’ ibnu, iżda kien tard wisq għal dan, hekk kif ibnu kien diġà mejjet.
Tkellem ukoll dwar kif huwa baqa’ jżur lil ibnu fiċ-Ċimiterju, u jagħmillu l-fjuri huwa stess, sabiex ifakkar il-memorja tiegħu.
Qal, “Immorru ċ-Ċimiterju l-ħin kollu, aħna għalina qisu lbieraħ. Ma tistax tfieq minn dil-ferita. Dil-ferita, min iġarrab ikun jaf. Kulħadd jgħidlek ħafna affarijiet – jgħidulek fjura, jien il-fjura bħal ħutu ridtha, magħna. Imma l-fjura mietet.”
21 sena wara, ix-xewqa tiegħu tibqa’ li tissemma triq għal ibnu.