Il-vjolinist internazzjonali, Maxim Vengerov, se jkun qed idoqq f’pajjiżna bħala solist fuq il-vjolin, f’kunċert mill-orkestra sinfonika tal-Armenja.
Il-vjolinist Russu, li huwa magħruf mad-dinja għat-talent tiegħu bil-vjolin, se jdoqq l-Erbgħa filgħaxija, f’Dar il-Mediterran. Dan bħala parti mill-Festival Internazzjonali tal-Mużika, li qed isir f’pajjiżna. Festival, li ngħata bidu fil-ħmistax t’April, u se jasal fi tmiemu fl-ewwel ta’ Mejju.
F’konferenza stampa, Vengerov stqarr li jinsab eċċitat ħafna li ħa jdoqq f’Malta u li din hija l-ewwel darba tiegħu f’pajjiżna. Saħaq li l-mużika li se jdoqq fil-kunċert, hija kemmxejn iktar ikkumplikata milli jdoqq is-soltu fuq il-vjolin, iżda se jagħmel l-almu tiegħu li jinterpretaha bl-aqwa mod.
I’m very looking forward in particular to meet the Maltese audience, and to perform with the Armenian orchestra and to work under this composer.. it will be a great experience.
Id-direttur tal-Orkestra għal dan il-kunċert, Sergey Smbatyan saħaq li għandu responsabbiltà kbira hekk kif ħa jkun qed jidderiġi mużiċist rinomat bħal Vengerov.
Il-pjanista Nareh Arghamangyan, li wkoll se tkun parti mill-kunċert, qalet li hemm diversi similaritajiet bejn il-kompożituri Maltin u Armeni u li hi għamlet l-għażla mużikali biex turi d-diversi elementi li hemm fil-mużika Maltija li huma wkoll preżenti fil-mużika Armena.
Dawn il-kunċerti qed jiġu organizzati mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta flimkien mal-Fondazzjoni Ewropea għas-Sapport Kulturali, taħt il-patroċinju tal-Valletta 2018.