Għall-għeluq tas-sittax-il ġurnata mill-konferenza bit-tema ‘Il-Vjolenza Domestika hi Affari ta’ Kulħadd’ Dr Lydia Abela aċċennat li dan l-attiviżmu għandu jixpruna iżjed ħidma u għandna dejjem nistaqsu: x’għandna nagħmlu iktar?
Il-konferenza għall-ġlieda kontra l-vjolenza domestika mmexxija mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika rat diversi msieħba li qasmu l-għarfien tagħhom bejniethom bil-għan li tkompli tiġi ndirizzata din il-pjaga fis-soċjetà tagħna.
Dr Lydia Abela qalet li l-vjolenza domestika taffettwa lil kulħadd, kemm lill-mara, lir-raġel, lit-tfal u anka l-anzjani. Hija qalet kemm għandna nagħrfu li din hija affari ta’ kulħadd u teħtieġ ħidma kollettiva. Hija tenniet li rridu niġġieldu kollha kemm aħna biex naraw x’qiegħed iwassal għall-agressur biex jagħmlu atti ta’ vjolenza domestika fuqa persuna oħra. Hija sostniet li l-vjolenza domestika m’għandhiex post fostna.
Dr Lydia Abela temmet id-diskors tagħha bil-kliem li r-refuġju u l-għajnuna li l-vittmi ta’ vjolenza domestika għandhom bżonn huma kuljum mhux biss f’dawn is-sittax-il jum ta’ attiviżmu.
Il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Domestika, Audrey Friggieri kellha wkoll messaġġ ċar li rridu ninvestu fir-riżorsi u rridu nibqgħu konxji u ffukati għaliex il-ġenerazzjonijiet dejjem jevolvu.
Preżenti waqt din il-konferenza, l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li dawn mhumiex affarijiet li nippoliċizzawhom u bħala soċjetà għandna naħdmu flimkien biex innaqsu dawn il-każijiet. Il-Ministru Camilleri semma’ wkoll abbozz ta’ liġi li tressqet quddiem il-Parlament ftit tal-ġimgħat ilu fejn vittma tista’ tmur għand il-Victim Support Agency u ssaqsi jekk il-persuna toħroġ miegħu jew maghha kinitx ħatja ta’ vjolenza domestika fil-passat.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon qal li ma nistawx nitfaw kollox taħt it-tapit u huwa essenzjali li l-ħidma tkun iffukata s-sena kollha. Huwa esprima kif kull vjolenza hija inaċettabli imma l-vjolenza domestika tħalli togħma morra aktar minn oħrajn.
Din il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg fejn fid-diskors tagħha qalet kif għalkemm ninsabu fl-aħħar ġurnata tas-sittax -il jum ta’ attiviżmu, il-ġlieda kontra kull tip ta’ vjolenza trid tibqa’ issir is-sena kollha.