Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar, illum iltaqgħu mal-Kummissarju l-ġdida għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, Audrey Friggieri. Dan sabiex mill-ewwel jiddiskutu pjan ta’ ħidma magħha għall-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
Dan il-pjan ta’ ħidma jifrex minn aktar edukazzjoni f’kull livell, it-tisħiħ tar-rwol tal-mara u l-indipendenza finanzarja tagħha u kooperazzjoni kemm mal-Pulizija Eżekuttiva, kif ukoll mal-amministrazzjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja sabiex ikun hemm aktar protezzjoni tal-vittmi u ta’ dawk vulnerabbli.
Ser ikun hemm aktar investiment fl-istruttura tal-Kummissarjat sabiex dan ikun jista’ jirrispondi għall-isfidi kbar li għandu quddiemu, issa b’Kummissarju li ser tkun full-time. Permezz ta’ dan, dan il-gvern qed juri l-impenn b’saħħtu li jiġġieled sew il-vjolenza domestika u jkisser din il-pjaga soċjali.