Id-diversi forom ta’ vjolenza domestika bl-użu ta’ mezzi teknoloġiċi kienu taħt il-lenti waqt konferenza, li ġabet flimkien esperti Maltin u anke barranin, bħala parti mill-proġett tal-Kummissjoni Nazzjonali Kontra l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, iffinanzjat mill-fondi taż-Żona Ekonomika Ewropea u n-Norveġja.
Preżenti għall-konferenza, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, qalet li l-forom varji ta’ vjolenza permezz tal-internet qegħdin jiżdiedu u jsiru aktar sofistikati.
Hi qalet li s-soċjetà ma tistax tagħlaq għajnejha għal dawn l-abbużi, li jpoġġu fil-mira diversi persuni u jistgħu jwasslu għal reati aktar gravi, inkluż il-femiċidju, u għaldaqstant għandhom jittieħdu bl-akbar serjetà.

Buttigieg kompliet li, għalkemm il-liġijiet Maltin diġà jipprovdu biex dawn l-atti jiġu kkunsidrati bħala reati kriminali, konferenza simili sservi biex ikun hemm bdil ta’ ideati dwar miżuri, proċeduri u sistemi fil-ġlieda kontra din il-pjaga soċjali u tingħata protezzjoni lill-vittmi.
“Bħala Gvern, il-ħidma tagħna kontra l-vjolenza domestika ssir matul is-sena kollha, mhux fi ħmistax-il jum ta’ attiviżmu u, għaldaqstant, illum f’din il-konferenza tajna ħarsa dwar il-ħidma li qed issir biex nassiguraw li l-online space, id-dinja diġitali tkun aktar safe għan-nisa u l-bniet, għax nafu li online ikun hemm ħafna abbużi li jistgħu jsiru. Għaldaqstant qed naraw li, iggwidati mil-istrateġija nazzjonali li varajna proprju ftit ta’ snin ilu, naraw li l-miżuri kollha jiġu implimentati biex din il-kwistjoni, din il-pjaga soċjali, tibqa’ tiġi quddiem nett tal-aġenda tagħna.”
Rebecca Buttiġieg, Segretarju Parlamentari

Il-Kummissarju responsabbli Samantha Pace Gasan, min-naħa tagħha, qalet li dan il-proġett trilaterali kompla jsaħħaħ il-kapaċità tal-Kummissjoni b’esperjenzi ġodda miksuba mal-imsieħba tal-proġett fin-Norveġja u l-Iżlanda, fejn delegazzjoni Maltija, magħmula wkoll minn uffiċjali tal-Pulizija u tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, kellha l-opportunità tara mill-qrib is-servizzi u l-istrutturi li hemm f’dawn il-pajjiż kontra l-vjolenza permezz tal-internet.
‘’U allura rridu nindirizzaw din il-problema, għax nafu li diġà hi sfida sinifikanti fis-soċjetà tagħna, bħala kummissjoni qegħdin noħduha bħala prijorità biex tiġi indirizzata u naħdmu wkoll ma’ entitajiet differenti li wkoll kellna parteċipazzjoni tajba ta’ entitajiet differenti llum, biex naħdmu flimkien u nsaħħu l-ħidma tagħna f’dan il-qasam.’’
Samantha Pace Gasan, Kummisarju