In-numru ta’ vjaġġi b’tal-linja raw tnaqqis waqt il-pandemija, iżda dan qed jogħla bil-mod, hekk kif bosta persuni qed jerġgħu jagħmlu użu mit-trasport pubbliku b’xejn.
Spjega dan Ivan Pierre Vella, Direttur fi ħdan Transport Malta li sostna kif qabel bdiet il-pandemija f’Marzu tal-elfejn u għoxrin, Malta rat numru rekord ta’ vjaġġi bit-trasport pubbliku.
Vella stqarr, “Fil-fatt bejn Jannar u Frar tal-elfejn u għoxrin, l-ammont ta’ passiġġieri li bdejna nġorru kien iktar mis-snin ta’ qabel, fil-fatt konna qed nesperjenzaw qisu wieħed u għoxrin fil-mija żieda fuq is-sena ta’ qabel jiġifieri juri li s-servizz kien qed ikompli jikber. Però imbagħad ġiet il-pandemija.”
Minkejja in-nuqqas ta’ passiġġieri waqt il-pandemija, bejn Marzu u Diċembru tal-2021, in-numru ta’ vjaġġi żdiedu b’erbgħa u għoxrin fil-mija meta kkumparati mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.
Vella stqarr li numru sostanzjali tal-vjaġġi li saru s-sena l-oħra kienu bla ħlas.
Hu rrimarka, “Is-sena l-oħra, elfejn wieħed u għoxrin, ‘il fuq minn għoxrin fil-mija tal-vjaġġi li saru fuq it-trasport pubbliku saru b’xejn għall-individwu li jkun qed jivjaġġa.”
Huwa appella sabiex wieħed jagħmel aktar użu mit-trasport pubbliku, hekk kif filwaqt li hemm numru ta’ vantaġġi marbuta mal-użu tat-trasport pubbliku dan huwa ta’ benefiċċju għall-ambjent.
Vella qal, “Għandek numru ta’ vantaġġi minbarra l-fatt li tkun qed tikontribwixxi pożittivament għall-ambjent, bit-tnaqqis tal-emissjonijiet. Wieħed tajjeb jirrimarka li l-karozzi tal-linja li għandna llum, huma kollha Euro6, jiġifieri huma tal-ogħla standards ta’ nuqqas t’emissjoni.”