Storja fil-gazzetta Kullħadd turi r-realtà li tgħaddi minnha l-umanità fostna.
Bħal eluf kbar ta’ nies jien ukoll sifirt dan is-sajf. Iżda tiegħi kienet differenti. Le, mhux għax il-post kien eżotiku u uniku, iżda għax kienet l-unika btala li jien jista’ qatt ikolli ma’ ommi marida.
U dan kollu huwa possibbli grazzi għal numru kbir ta’ volontiera, li ta’ kull sena jieħdu grupp ta’ pazjenti b’mard differenti għall-pellegrinaġġ ġewwa Lourdes. Volontiera li flushom u ħinhom jagħżlu li jqattgħuh biex inisslu tbissima lil min hu batut. U huwa proprju dan is-sentiment ta’ altruwiżmu li jagħmel minn Lourdes miraklu.
Għax temmen jew ma temminx li f’dan il-post saru mirakli hija xi ħaġa suġġettiva, biss li hu żgur hu li l-esperjenza ta’ Lourdes għenitni nifhem l-umanità aħjar.
Għall-pazjenti bi problemi fil-kliewi, bħalma hi ommi, is-safar tħobbu kemm tħobbu, isir xi ħaġa tal-passat. Dan mhux biss għax ftit ftit is-saħħa ma tibqax tippermetti, iżda anke minħabba trattamenti li wieħed irid jieħu b’mod regolari ħafna. Ommi kull tlett ijiem tagħmel id-dialysis fir-Renal Unit fl-Isptar Mater Dei. Dan ifisser erba’ sigħat kull darba fejn tkun imqabbda ma’ magna li tnaddaflek id-demm mill-ilma żejjed fil-ġisem, proċess li minħabba mard fil-kliewi ma jkunx jista’ jsir b’mod naturali.
Għaldaqstant biex isiefer pazjent bil-mard tal-kliewi jrid ikollu arranġamenti għad-diaylsis, xi ħaġa li mhux faċli wieħed jagħmilha waħdu. Iżda ta’ kull sena u issa din ilha ssir għal diversi snin, grupp ta’ professjonisti mir-Renal Unit jitilgħu mal-Assoċjazzjoni Volontiera Lourdes u magħhom itellgħu numru ta’ pazjenti mill-istess Renal Unit. B’arranġamenti biex waqt il-ġranet li l-pazjenti ma jkunux Malta jkunu jistgħu jingħataw id-dialysis f’ċentru mediku ftit ’il barra minn Lourdes.
Din is-sena b’kollox kien hemm total ta’ 15-il pazjent mir-Renal Unit. Tmienja minnhom ittieħdu għad-dialysis waqt li kienu Lourdes. Il-maġġoranza tal-pazjenti l-oħra huma fuq trattament li jissejjaħ CAPD, fejn il-likwidu żejjed jiġi mnaddaf direttament minn cahether imqabbad maż-żaqq. Għal dan il-proċess li jsir għal numru ta’ drabi kuljum, il-pazjent ikollu bżonn numru kbir ta’ boroż b’likwidu apposta.
Hawnhekk il-volontiera mir-Renal Unit għamlu xogħol ieħor imprezzabbli fejn kienu jwasslu l-boroż tal-likwidu lill-pazjenti fil-kamra tal-lukanda tagħhom u jgħinuhom f’dak kollu li jkollhom bżonn.
Il-ġranet li qattajt ma’ ommi f’Lourdes se jibqgħu sinifikanti ħafna għalija u se nibqa’ nġorrhom miegħi għas-snin li ġejjin. Għalkemm xemx u xita Alla jaf meta, min ikollu familjari tiegħu li għaddejjin minn mard kroniku jafu kemm kull ġurnata mal-għeżież tiegħek hija rigal. U huwa għalhekk li li jkollok l-opportunità li tagħti esperjenza ta’ vjaġġ ta’ ftit ġranet li matulhom jgħix ħajja mill-aktar normali, huwa l-aqwa rigal li jista’ jingħata.
Il-gazzetta Kullħadd ħadet ukoll il-kummenti ta’ Josette Parnis, Deputy Nursing Officer fir-Renal Unit tal-Isptar Mater Dei li tkellmet dwar l-esperjenza tagħha ta’ volontiera f’Lourdes.
“Ta’ kull sena jiena, flimkien ma’ sħabi l-infermiera tar-Renal Unit nieħdu l-pazjenti ġewwa Lourdes. Din is-sena ħadna15-il pazjent morda bil-kliewi. Għalija din l-esperjenza hija t-13-il darba. Lourdes sar parti mill-ħajja tiegħi għax filwaqt li ninvesti spiritwalment, insibha bħala l-aħjar opportunità biex inkun nista’ nagħmel karità ma’ ħaddieħor. Il-ħerqa tal-pazjenti żżommni motivata biex insib l-enerġija minn sena għal oħra. Il-mawra f’Lourdes fiha ħafna preparamenti, però meta nara l-ferħ tal-pazjenti tagħna nagħmel kuraġġ. Peress li ħafna mill-pazjenti kienu l-ewwel darba, l-eċitament ma naqasx.
Il-pazjenti jkunu ilhom jistennew din il-mawra minn ħafna żmien qabel. Il-pazjenti tar-Renal Unit, ikunu jridu jagħmlu t-trattament tal-haemodialysis jew trattament ieħor – CAPD u allura li jsiefru għalihom xejn mhu faċli u jaqtgħu qalbhom. Għalkemm il-mawra lejn Lourdes hija pellegrinaġġ, għalihom hija avventura wkoll biex itafffu mill-monotonija ta’ kuljum.
“Ġewwa Lourdes il-pazjenti u l-infermieri nsiru bħal familja waħda, ikollna mumenti fejn nidħqu u anke nibku flimkien. Aħna l-infermieri nqattgħu ħin twil mal-pazjenti sa tard billejl, fejn filwaqt li nżommulhom kumpanija, kulħadd jesprimi l-ferħ u n-niket tiegħu. Meta l-pazjenti jkollhom is-sezzjoni tal-magna tad-dialysis, aħna l-infermieri nakkumpanjawhom l-isptar u nibqgħu magħhom ukoll, biex nagħtuhom sapport filwaqt li ngħinuhom.
Il-fidi ta’ ħafna mill-pazjenti hija kbira wisq, għax għalkemm qatt ma rajna xi miraklu jsir, il-fatt li pazjent jiftaħ qalbu u jaċċetta l-problema tiegħu, huwa diġà miraklu.”
Fl-aħħar snin fil-qasam tar-Renal Unit sar investiment kbir, investiment li wassal biex inbiddlu l-magni kollha tal-haemodialysis. B’kollox illum l-Isptar Mater Dei huwa mgħammar b’32 magni tal-haemodialysis b’investiment ta’ €5 miljuni. Fil-preżent f’pajjiżna għandna madwar 200 pazjent li jingħataw trattamenti bil-haemodialysis.