Il-ħoss uniku u eklektiku huwa dak li saħħar eluf ta’ Maltin wara l-grupp mużikali Tribali.
Ħoss li għaqqad kull ġenerazzjoni minn kwalunwke vjaġġ tal-ħajja għal dawn l-aħħar sbatax-il sena.
Tribali huma magħrufin għall-prestazzjonijiet enerġetiċi tagħhom fejn l-udjenza tesperjenza ħoss etniku kkaraterizzat minn strumenti mużikali varji u vuċi melodjuża li ssaħħar warajha lil kull min jismagħha.
Biex jikkommemoraw dan kollu, il-grupp Tribali flimkien mal-awturi Tonio Bonello u Connie Buttigieg nedew ktieb li tiġbor fih l-istorja, l-esperjenza u l-memorja.
ONE news iltaqa’ ma’ Peter Paul, wieħed mill-imħuħ wara dan il-grupp.
Huwa spjega: “Din is-sena ma kellniex l-opportunità li niltaqgħu mal-pubbliku u naqsmu enerġija pożittività minn fuq il-palk però bis-saħħa ta’ dan il-ktieb ħa jkollna ċ-ċans li dak li mmissjajna dan is-sajf ħa jkollna ċans li n-nies jesperjenzaw l-enerġija pożittiva tagħna through il-ktieb.”
Il-bijografija ta’ Tribali ser tinkludi intervisti ma’ mużiċisti u persuni li kienu parti minn dan il-vjaġġ, kapitli dwar il-ħajja personali tal-membri, ritratti esklussivi ta’ Tribali fuq il-palk u tal-ħajja personali kif ukoll aċċess permezz ta’ QR code għall-aktar tnax-il kanzunetta popolari tagħhom.
Peter paul kompla jispjega: “It’s a rollercoaster ride bħal kull grupp ieħor. Kellna ħafna ħafna esperjenzi sbieħ kemm ġewwa Malta b’kunċerti kbar li aħna għamilna u nirringrazzja lill-pubbliku talli dejjem segwina u kemm ukoll barra minn xtutna, fl-Ewropa jkollna ħafna festivals anke morna l-Awstralja kemm-il darba so tatna ħafna sodisfazzjon.”
Il-qligħ mill-ktieb ħa jmur għall-missjoni ġewwa l-Filippini fejn Tribali jgħinu fi proġett li fih jgħallmu l-mużika lit-tfal fqar u li jgħixu fit-toroq. Liema missjoni hija immexxija mill-missjunarju Fr Joe Cremona.
Huwa tenna: “Illum il-ġurnata għandna orkestra Alla jbierikha, tmien studenti qed jistudjaw l-università biex isiru music teachers, għandna żewġ studenti wkoll ġew magħżula biex ikunu fil-Youth Orchestra f’Malta u hija xi ħaġa li bil-mużika ħa ntuhom opportunità għall-futur.”
Wieħed jista’ jakkwista kopja ta’ dan il-ktieb minn ħwienet ewlenin tal-kotba madwar Malta jew billi jagħmel kuntatt fuq il-paġna uffiċjali ta’ Facebook Tribali.