L-iktar mexxejja Ewropej b’saħħithom tkellmu dwar il-viżjoni tagħhom għal Unjoni Ewropea mingħajr ir-Renju Unit.
Il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi laqa lill-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel u lill-President Franċiż Francois Hollande fil-gżira Ventotene viċin Napli.
Il-mexxejja ltaqgħu hekk kif is-sens ta’ ewroxettiċiżmu fl-Unjoni Ewropea qiegħed dejjem jikber, filwaqt li tibqa għaddejja l-kriżi tal-immigrazzjoni u dik ekonomika.
Renzi qal li jixtieq jikteb kapitlu għall-futur li jkun iffukat fuq id-difiża komuni, sigurta u tkabbir ekonomiku, speċjalment billi jkun indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ.
Minkejja l-ottimiżmu, Merkel ammettiet li l-Unjoni Ewropea issa qed taffaċċja sfidi enormi, fosthom it-terroriżmu u l-gwerra ċivili fis-Sirja. Qalet li jeħtieġ isir iktar fis-sigurta interna u esterna.
Hollande appella biex l-Unjoni Ewropea turi unita u koeżjoni fid-dawl li dejjem qed jiżdiedu partiti politiċi lemini estremi.