In-nuqqas ta’ viżjoni li jħaddan il-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech kompliet tiggwida l-pinna ta’ opinjonisti fuq il-gazzetti.
Din id-darba kien imiss lill-pinna tal-avukat u opinjonista Mark Said, li kiteb dwar dak kollu li għaddej fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà.
Fuq il-ġurnal The Malta Independent, Said iddeskriva lil Partit Nazzjonalista bħala wieħed mingħajr għeruq.
Dan b’referenza diretta għan-nuqqas ta’ viżjoni li jħaddan u kif din ma taqbilx mal-aspirazzjonijiet tan-nies.
Said isostni wkoll li l-Partit Nazzjonalista għandu jieqaf jikkategorizza lin-nies bħala tal-ewwel u t-tieni klassi.
Fil-fatt, fl-artiklu ta’ opinjoni tiegħu, Said, bħal ħafna oħra qablu, jinnota l-ġlied kbir li għadu jiddomina fi ħdan il-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija tal-Kap Bernard Grech
Isemmi fost oħrajn l-aktar ġlied riċenti bejn il-Kap u l-Eks Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo, wara li l-istess Viċi Kap kien sostna li twarrab mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Said, madankollu, ma waqafx hawn u jirreferi għal oħrajn qabel Arrigo li daqqew l-irtirata minn mat-tmexxija ta’ Bernard Grech.
Din mhux l-ewwel darba li opinjonisti kitbu fuq is-sitwazzjoni mwiegħra fil-Partit Nazzjonlista. Proprju fl-istess jum, l-eks Ministru Nazzjonalista Michael Falzon wkoll innota n-nuqqas ta’ viżjoni ta’ Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista. Huwa kien diġà kkritika bil-qawwi lill-Partit Nazzjonalista f’artiklu ieħor ftit tal-jiem qabel.