Il-Viżjoni Ekonomika Nazzjonali tal-Gvern tirifletti x-xogħol li sar mill-Kamra tal-Kummerċ fl-aħħar 18-il xahar.
Dan kien kliem il-President tal-Kamra tal-Kummerċ il-Perit David Xuereb, li temm it-terminu tiegħu, u f’laqgħa ġenerali annwali elenka x-xogħol li sar biex in-negozji f’pajjiżna jkomplu javvanzaw.
Il-Perit Xuereb qal ukoll illi l-Kamra taħdem fuq diversi proposti biex anke tgħaddihom il-Gvern, fosthom anke r-rakkomandazzjonijiet dwar kif pajjiżna jista’ jirkupra mill-pandemija.
Bla dubju, waqt il-laqgħa ssemma l-fatt li pajjiżna flimkien mal-kumplament tad-dinja għaddejjin minn żmien ta’ sfida li ġabet magħha l-imxija tal-COVID-19. Madanakollu, is-Sur Xuereb sostna li l-isfidi għandhom jinbidlu f’opportunitajiet, iżda biex dan iseħħ importanti illi n-negozj f’pajjiżna jingħataw il-kuraġġ sabiex malli tgħaddi l-pandemija, in-negozjanti Maltin joħorġu b’ideat ġodda u għalhekk bħala pajjiż inkunu aktar kompettitivi.
F’messaġġ li bagħat u li xxandar fil-laqgħa, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-2020 se tibqa’ mfakkra għall-aktar sena li tat sfidi.
Dr Abela sostna illi flimkien konna reżiljenti u fakkar kif il-Gvern ħa fuqu l-piż finanzjarju biex ikompli jwieżen lin-negozji u jissalvagwardja l-impjiegi.
Qal kif, “Throughout the last 12 months we have worked closely together on improving economic policies to make them more suitable and to change them as needed, and I am please to say that the results speak for themselves: a steady decline in unemployment since June.”
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ żied jgħid illi l-Kamra trid tkun sieħeb strateġiku man-negozjanti Maltin sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħhom.
Intant, hekk kif intemmet il-laqgħa immedjatament infetħet il-votazzjoni għall-Bord Eżekuttiv, li għall-ewwel darba fl-istorja hemm numru kbir ta’ kandidati nisa li tefgħu isimhom għall-elezzjoni.