Fil-Gżira, quddiem folla mdaqqsa li tat merħba kbira lil Prim Ministru Joseph Muscat, twasslet viżjoni li se tkun qed tara d-dawl minn mis-sena d-dieħla.
Dan hekk kif miżura ewlenija tal-budget, dik taż-żieda fiċ-children’s allowance, se tara li l-ebda tifel u tifla ma jgħixu fil-faqar:
“Aħna rridu naslu li jekk ikun hemm tifla jew tifel li qed tgħix f’household m’ommha biss, maż-żewġ ġenituri fejn hemm mill-inqas persuna waħda li qed toħroġ taħdem u ħafna drabi dik il-persuna tingħata paga relattivament baxxa, dan il-Gvern irid jgħin biex l-ebda waħda minn dik it-tfal, minn dik it-tifla jew tifel ma tgħix fil-faqar. Permezz tal-miżuri li għamilna fl-ewwel sitt budgets u permezz ta’ dawn iż-żewġ miżuri li qegħdin nagħmlu f’dan is-seba’ budget nittamaw li sas-sena d-dieħla ma jkunx hawn tifla jew tifel wieħed, familja bħal din li jgħixu fil-faqar.”
Dr. Muscat saħaq li l-budget li qara l-Ministru għall-Finanzi ma semmiex miżuri li issa ilhom hemm għat-tgawdija għal kull Malti u Maltija.
“Smajtuh lil Ministru jitkellem dwar iċ-childcare b’xejn u kemm ħa tkun tiffranka kull familja? Le, għaliex dak iċ-childcare b’xejn qiegħed hemm hekk għal kull familja. Smajtuh jitkellem ħafna dwar il-first time buyers? Le, imma għadkom kemm smajtu, kważi għoxrin elf koppja gawdew minn ħames t’elef ewro kull wieħed. U allura dan huwa l-pjan, illi dak li dan il-Gvern ta fl-ewwel sena ma ttieħidx fit-tieni sena. Anzi dak li ta fl-ewwel sena, dak li ta fit-tieni sena, fit-tielet, fir-raba’ fil-ħames, fis-sitta, fis-seba’ jibqgħu hemm hekk għal poplu Malti u Għawdxi.”
Saħaq li l-budget għas-sena d-dieħla huwa parti minn pjan li qed jagħti kwalità ta’ ħajja aħjar anki lil ħaddiema li issa żdiedu fin-numru sew f’dawn l-aħħar seba’ budgets ippreżentati minn dan il-Gvern.
Hawnhekk qal kif żdiedet il-parteċipazzjoni ta’ kulħadd fid-dinja tax-xogħol, speċjalment tan-nisa. Huwa fisser kif lil uliedna rridu nħallulhom il-ġid u mhux id-dejn.
F’dan il-kuntest, Dr. Muscat semma l-fatt li dan il-Gvern irnexxielu jħassar id-dejn li ħolqu l-Gvernijiet tat-tliet leġislaturi ta’ qabel.
Fuq kollox, il-Prim Ministru qal li jirrikonoxxi li għad hawn min ibati u għalhekk lil dawn irridu nindirizzaw il-ħtiġijiet tagħhom iżda fuq kollox Dr. Muscat saħaq li dan huwa Gvern li jqassam il-ġid għand kulħadd:
“Min qed jixtri proprjetà f’post urban conversation, qed nagħtuh l-għajnuna sabiex ikun jista’ jirranġa dik id-dar. Min qed jixtri l-post tiegħu f’Għawdex, nofs il-boll ikun qed iħallas. Min qed jixtri t-tieni proprjetà, qed ngħinuh ukoll. Mingħandu aktar minn erbgħin sena u jrid jixtri post għax ma jaffordjax, ħa nkunu qed ngħinuh ukoll. Dan huwa Gvern li jgħin lil kulħadd”.