F’diskussjoni organizzata minn Żgħażagħ Laburisti, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar l-importanza tal-isport u s-saħħa mentali.
Mariah Zammit, żagħżugħa li għadha kif iggradwat mill-Università ta’ Malta fil-psikoloġija, tkellmet dwar il-fatt kif f’pajjiżna hawn lok għal iktar għajnuna psikoloġika minn professjonisti.
Hawnhekk il-Prim Ministru sostna li lil hinn mill-fatt li l-istat għandu jwessa s-servizzi psikoloġiċi u psikjatriċi tiegħu, irid jiffoka fuq il-benesseri tal-bniedem. Dr Abela tenna li l-Malta Vision 2050 tagħmel proprju dan.
“Il-Malta Vision 2050 proprju tara u tħares lejn il-benesseri tal-bniedem, bħala l-kejl ewlieni tas-suċċess tal-pajjiż. Kemm għandek ħin mal-familja, kemm għandek ħin biex tgawdi lit-tfal, kemm għandek ħin li tista’ ssiefer, għax għandek il-flus u m’għandekx il-ħin biex tieħu l-familja weekend break darbtejn fis-sena. Tiġi frustrazzjoni għall-bniedem, tellieqa kontra l-ħin u hemmhekk irridu mmorru back to our roots u naraw x’qed jikkaġuna l-ansjetà fit-tfal tagħna.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Dwar l-ambjent, il-Prim Ministru sostna li bil-proġett tal-waste-to-energy il-Gvern qed iħares lejn l-iskart bħala riżorsa li tiġġenera l-enerġija. Tkellem ukoll dwar l-investiment li qed isir f’bosta spazji ħodor bħall-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali, il-Park ta’ San Klement, il-Qortin, Wied Fulija u Ġnien il-Glażiż, kif ukoll 19-il proġett ta’ spazji mitluqa li ġew riġenerati minn Project Green.
“Tgħidli jfisser li m’għandniex noħolqu parks oħra? Mela ma nistgħux noħolqu parks oħra. Semmejtlek numru minn dawk li għamilna. Għandna uħud li għadhom ġejjin. Insemmi erba’ siti madwar il-pajjiż kbar li jaqgħu fiż-żona tal-iżvilupp li neħħejnihom mill-iżvilupp wieħed minnhom f’San Ġiljan proprju fil-qalba tal-urban. L-art waħedha tiswa 9 miljun ewro. Kieku l-Gvern inkassa minnha, kienet toħroġ għall-iżvilupp imma minflok ħa nagħmlu park aħdar u miftuħ. Semmejtlek il-park nazzjonali ta’ Ta’ Qali. Hemmhekk kienet fabbrika tal-konkrit. Kien hemm titlu dubjuż fuqha, intervjenejna u għamilna park li huwa l-ġmiel tiegħu.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Dwar is-servizzi soċjali, il-Prim Ministru rrefera fost l-oħrajn għall-equity sharing li permezz tagħha l-Gvern jidħol bi sħab ma’ persuna li ma jkollhiex biżżejjed flus biex tixtri appartament.
Tkellem ukoll dwar benefiċċji soċjali oħrajn li qed jingħataw mill-Gvern fosthom il-carer’s grant għall-ġenituri ta’ persuni b’diżabilità, kif ukoll għall-ħlas tal-bolol nieqsa lil nisa li waqfu jaħdmu biex jieħdu ħsieb il-familja biex xorta waħda jirċievu forma ta’ pensjoni.
Iż-żagħżugħ Mirko Sant saqsa kif nistgħu nsaħħu l-lingwa Maltija fl-edukazzjoni, u b’rabta ma’ dan il-Prim Ministru tkellem dwar diversi miżuri li ħa dan il-Gvern fosthom l-iskills pass għal ħaddiema barranin li jaħdmu f’diversi setturi f’pajjiżna u li biha jkunu jistgħu jikkomunikaw mal-Maltin.
“L-element ta’ kburija li jagħtina l-ilsien Malti, hija xi ħaġa li l-ebda lingwa oħra m’għandha qatt issostniha u nemmen ukoll li hemm diversi livelli anka bil-kunsill Malti wkoll, jiġifieri hemm diversi inizjattivi li qegħdin isiru biex dejjem nagħtu iktar importanza lil xi ħaġa li verament tiddistingwina bħala pajjiż.”
il-Prim Ministru Robert Abela