Joseph Carabott, l-anzjan ta’ 67 sena, li safa’ vittma ta’ serqa f’ħanut tad-deheb fiż-Żurrieq, għadu qed jissielet għal ħajtu fit-taqsima tal-kura intensiva, fl-Isptar Mater Dei.
Qabel l-inċident, li seħħ fil-25 t’Awwissu, fejn tliet persuni rabtuh, serquh u aggredewh, huwa kien saħansitra jilgħab it-tennis.
Intant, b’rabta ma’ dan il-każ tressqu l-Qorti u nżammu arrestati 3 persuni, Donna Sciberras ta’ 29 sena, u żewġ Marokkini, Zuhair Hadoumi, ta’ 26 sena, u Mohamed Anas Boualam, ta’ 37 sena.
Huma wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Borg Sciberras kellha wkoll diversi każijiet preċedenti, fosthom fl-2015 u l-2019, fejn wettqet serqiet simili, fuq anzjan u fuq persuna fis-siġġu tar-roti, saħansitra waqt li kienet qed tistenna tarbija.
Is-sindku tal-lokal taż-Żurrieq, Rita Grima, qalet li minkejja li Carabott mhuwiex Żurrieqi, huwa kien jagħti diversi pariri, u jsewwi xi ħaġa li tkun inkisret.
Hija appellat ukoll għat-talb għall-vittma.